Internazzjonali

Deċiżjoni li ħa Trump taf twassal għall-mewt ta’ miljuni

Id-deċiżjoni li ħa l-President tal-Istati Uniti Donald Trump biex iwaqqaf il-maġġornaza tal-fondi f’għajnuniet umanitarji internazzjonalment taf twassal biex madwar 14-il miljun persuna oħra tmut sal-2030, b’mewta prematura.

Dawn il-kalkoli ġew ippublikati minn The Lancet, ġurnal mediku li kkonferma wkoll li terz minn dan l-ammont ikunu tfal li mietu mewta prematura.

Lura f’Marzu s-Segretarju tal-Istat Marco Rubio kien qal li l-amministrazzjoni ta’ Trump kienet ħasret madwar 80% tal-programmi tal-Aġenzija għall-Iżvillup Internazzjonali; USAID.

B’riżultat ta’ din l-azzjoni bosta pajjiżi, bi dħul baxx jew medju, l-impatt jista’ jiġi mqabbel ma’ dak ta’ pandemija globali jew kunflitt enormi.

Mhux hekk biss, iżda, dawn il-fondi li kienu jingħataw lil dawn il-pajjiżi u li issa se jkunu mwaqqfa jistgħu anke jkissru l-progress li sar fis-saħħa ta’ dak l-aktar vulnerabbli f’dawn l-aħħar 2 diċennji.

Skont data miġbura minn 133 nazzjon, huwa stmat li l-fondi li kienet tagħti l-USAID evita madwar 91 miljun mewta f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw bejn 2001 u 2021.