Lokali Mużika

Il-BBC Concert Orchestra għal lejla straordinarja ta’ mużika u memorji

minn Noel D’Anastas

Wara s-suċċess ta’ sena ilu bil-kunċert spettakolari Queens of Soul, BBC Radio 2 u l-BBC Concert Orchestra li tħaddan reputazzjoni ta’ fama internazzjonali qed jirritornaw b’kunċert ieħor kbir. Din id-darba, se jiċċelebraw waħda mill-iktar epoki ikonici tal-mużika moderna – is-snin tmenin.

Dawk li bħali min jaf kemm żifnu għall-mużika new romantic, new wave u l-element disco f’bosta discos li kienu hawn madwar Malta u Għawdex, żgur li dan il-kunċert se joħodhom lura fis-snin b’tant memorji u nostalġija. Illum aħna ta’ dak iż-żmien qbiżna l-50 sew, kunċert bħal dan għandu jinżel għasel. L-istess għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, dan il-kunċert ifisser id-doża tal-mużika li għexu l-ġenituri tagħhom, is-sens ta’ appartenenza.

L-Ultimate 80’s se tkun festa mużikali unika, fejn il-passjoni u l-enerġija ta’ deċennju li biddel il-mużika globali se jitwassal fuq palk wieħed. L-udjenza se tingħata vjaġġ nostalġiku b’interpretazzjonijiet live eċċellenti ta’ 70 mużiċisti u 6 kantanti bravi li se jwasslu s-suċċessi eterni minn artisti leġġendarji bħal Madonna, Whitney Houston, Michael Jackson, Queen, Wham!, Lionel Richie, Elton John, Bryan Adams u ħafna oħrajn.

Il-kunċert li se jsir fil-5 ta’ Lulju u li jibda fis-7.30pm Fuq il-Fosos tal-Furjana, qed jitwassal minn Visit Malta. Il-biljetti jinkisbu minncmaltashows.com