Lokali

“Il-Gvern messu biddel il-liġi mill-ewwel minflok ippermetta li tliet studenti u lettur tal-Università jitressqu l-Qorti fuq hacking” – PN

Waqt li jilqa’ d-deċiżjoni li jingħataw maħfra Presidenzjali, il-PN isostni li dawn messhom qatt ma tressqu b’akkużi kriminali – imma Abela ried joħroġ ta’ hero biex issa jiftaħar li tahom maħfra

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Gvern li tliet studenti u lettur tal-Università ta’ Malta li tressqu l-Qorti dwar ethical hacking, jingħataw il-maħfra Presidenzjali.

Madanakollu l-Partit Nazzjonalista jtenni l-pożizzjoni li ħa f’Marzu li għadda meta dawn tressqu l-Qorti biex tinbidel il-liġi ħalli każ bħal dan ma jerġax jirrepeti ruħu.

Minflok ħallihom jitressqu l-Qorti u issa qed jagħtihom maħfra Presidenzjali wara li spiċċaw kellhom jiffaċċjaw akkużi kriminali, Robert Abela messu biddel il-liġi mill-ewwel biex dawn it-tliet studenti u l-lettur lanqas biss kien ikollhom għalfejn jitressqu.

Il-Gvern kellu kull ċans biex ibiddel il-liġi – kif appellalu l-Partit Nazzjonalista sa mill-bidu – biex jassigura li ma jkunx hemm għalfejn li l-ewwel dawn jinstabu ħatja u mbagħad jingħataw maħfra ladarba kien hemm qbil li dawn ma għamlu xejn ħażin.

Minkejja f’dan, biex joħroġ ta’ hero, Robert Abela kien lest jgħaddi lil dawn l-individwi minn martirju wara li ġew mixlija b’akkużi kriminali fil-Qorti biex issa seta’ joħroġ jiftaħar li l-Kabinett irrakkomanda li jingħataw maħfra.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li fl-istqarrija tal-Gvern jissemmew kemm l-impenn politiku tal-Prim Ministru u anke l-ħtieġa li din il-materja tiġi indirizzata mill-aspett legali, imma mkien ma tingħata garanzija li se tkun qed tinbidel il-liġi. Għalhekk il-PN itenni l-appell tiegħu lill-Gvern biex immedjatament iressaq l-emendi neċessarji għal-liġi ħalli din tinbidel kemm jista’ jkun malajr.

Qatt ma kellna naslu f’punt fejn tliet żgħażagħ u lettur jiġu mgħoddija minn martirju meta l-Gvern seta’ faċilment jieħu azzjoni qabel biex iwaqqaf dan kollu.