Lokali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jindirizza lir-rappreżentanti tal-fergħat tal-Partit Nazzjonalista

Intom tinsabu fl-aħjar pożizzjoni li tqarrbu lill-Partit Nazzjonalista aktar lejn in-nies, minħabba li tirrappreżentaw is-setturi differenti li jiffurmaw is-soċjetà tagħna. Ejjew inkomplu naħdmu taħt it-tmexxija ta’ Kap ġdid biex nagħmlu mill-PN gvern alternattiv – imma dan nistgħu nagħmluh biss jekk niġbru madwarna n-nies minn kull qasam, bi proposti pożittivi li jsaħħu lill-PN u li joffru s-soluzzjonijiet li għandu bżonn il-pajjiż.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta lbieraħ filgħaxija indirizza laqgħa għall-membri tal-fergħat differenti tal-Partit Nazzjonalista qabel jispiċċa mill-kariga tiegħu fit-tmexxija tal-PN.

Bernard Grech wiegħed l-appoġġ kollu tiegħu lil min se jinħatar minfloku, u qal li jkun min ikun il-Kap il-ġdid tal-PN, se jibqa’ jaħdem bis-saħħa kollha tiegħu biex flimkien mad-Deputati l-oħra kollha tal-PN magħqudin wara Kap ġdid, nagħtu lil dan il-pajjiż il-bidla li tixraqlu.

Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello li rringrazzja lill-Kap tal-PN Bernard Grech għall-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar ħames snin. Charles Bonello tkellem dwar il-ħtieġa li l-fergħat isaħħu l-ħidma tagħhom biex jibqgħu jiġġeddu u jikkontribwixxu biex anke l-Partit jibqa’ jiġġedded. Hu sostna li l-fergħat tal-PN għandhom il-privileġġ li jinsabu f’kuntatt kontinwu man-nies fis-setturi kollha u bl-entużjażmu ġdid li qed iġib miegħu t-tibdil fil-PN se jkunu qed jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista biex ikun aktar organizzat u effiċjenti fil-ħidma tiegħu tul ix-xhur li ġejjin biex ikun jista’ jiffaċċja bl-aħjar mod l-isfidi li se jkollu quddiemu.

Indirizza wkoll lir-rappreżentanti tal-fergħat id-Deputat Nazzjonalista Chris Said, bħala President tad-Djalogu Soċjali fi ħdan il-PN, li wkoll sostna li l-membri tal-fergħat tal-PN huma dawk li huma l-aktar viċin in-nies u għalhekk iħossu kontinwament il-polz tal-poplu, waqt li jifhmu d-diffikultajiet u l-weġgħat tagħhom.

Hu sostna li b’dan il-kuntatt kontinwu mal-oqsma differenti, il-fergħat għandhom id-dmir li mbagħad iwasslu s-suġġerimenti lit-tmexxija tal-Partit u lit-tim li qed ifassal il-programm elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, ħalli l-PN ikun ippreparat bl-aħjar mod għall-elezzjoni, tissejjaħ meta tissejjaħ.