Id-Danimarka assumiet uffiċjalment il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur li ġejjin….Impenn li għandu jindirizza, primarjament, lis-sigurtà u d-diversi aspetti relatati mal-kompetittività.
L-isfidi għad-Danimarka, sadanittant, qegħdin jidhru bħala formidabbli b’riżultat tal-inċertezza u t-taqlib li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja bħalissa.
Il-Prim Ministru tad-Danimarka,Mette Frederiksen, qalet, fil-fatt, li dan iż-żmien għandu jiddefinixxi l-futur tal-Ewropa….Dan fost it-twissija li ‘kulħadd jeħtieġ li jkun konxju mill-bidliet sinifikanti għal dinja li, s’issa, ipprovdiet lill-Ewropej bil-garanziji għal-libertà u t-tkattir tax-xogħol u l-prosperità’…..Sitwazzjoni li ħadd ma għandu jqisha bħala permanenti fid-dawl tal-aħħar żviluppi madwar il-kontinent.
Wara s-sitt xhur tal-Presidenza Pollakka, id-Danimarka, fix-xhur li ġejjin, għandha sservi bħala punt ta’ riferiment għas-26 Stati-membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea… Dan f’każ ta’ issues tad-diżgwid u sitwazzjonijiet li jirrikjedu l-kompromessi. Fil-fatt, il-pajjiż Skandinav se jkun ukoll strumentali fil-proċess għat-tfassil ta’ leġislazzjoni mill-Parlament Ewropew.
Din hi t-tmien darba li d-Danimarka qed tassumi l-Presidenza tal-UE fuq bażi ta’ ‘rotating chairmanship’ u meta dan il-pajjiż, fil-passat, dejjem qeda d-doveri tiegħu f’dan ir-rwol b’effiċjenza u bl-aktar mod pragmatiku.
Sadanittant, wieħed anki jrid jikkunsidra l-effett tal-politika tal-Istati Uniti għall-Ewropa tallum – u meta l-UE qed tipprova tipproteġi ruħha quddiem it-taqlib dovut għall-politika imprevedibbli tal-President Amerikan Donald Trump….President li qed jipprova jaqleb ta’ taħt fuq l-istruttura ekonomika li ilha teżisti minn wara t-Tieni Gwerra permez tal-mewġa tat-tariffi li qegħdin jolqtu lis-setturi kważi kollha.
Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea għadha qed tittama li tilħaq ftehim preliminarju mal-White House qabel id-deadline tad-9 ta’ Lulju għall-impożizzjoni tat-tariffi ta’ 50 fil-mija (mill-Istati Uniti) …Sitwazzjoni li qed titqies bħala ‘l-agħar xenarju possibbli ‘ fiċ-ċirkustanzi.
U f’każ li d-deadline jiskadi mingħajr ftehim sodisfaċenti għall-partijiet kollha, l-Eżekuttiv tal-UE jinsab lest biex jirritalja bit-tariffi fil-konfront tal-prodotti mill-Istati Uniti.
Fl-istess ħin, Donald Trump anki qed jipprovdi theddida diretta għas-sovranità tad-Danimarka….Dan meta l-President mhux jiċħad għall-possibbiltà li l-Istati Uniti tirrikorri għall-forza biex taħtaf il-kontroll ta’ Greenland – it-territorju Daniż semi-awtonomu li, fi kliem Trump, għandu jservi l-interessi strateġiċi tal-Amerikani.
//= $special ?>