Ambjent Lokali

Ma jiċħdux li kien hemm żbroff ta’ drenaġġ fil-baħar

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-ebda ħin ma ċaħdet li qed ikun hemm każijiet ta’ żbroff ta’ drenaġġ regolari lejn il-baħar; iżda qalu biss li dan qed ikun tort tal-privat.

Il-Water Services Corporation qalet li l-inċidenti reċenti irreġistrati mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali din is-sena kienu dovuti għal abbuż minn partijiet terzi. Dawn jinkludu sidien ta’ ristoranti li kellhom imblukkar intern fis-sistemi tagħhom… u individwi li illegalment qed jarmu dranaġġ f’gandoti tal-ilma tax-xita.

Biex b’hekk, f’din l-istqarrija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma xorta ma ċaħditx li qed ikun hemm żbroff ta’ drenaġġ li qed jispiċċa fl-ibħra ta’ pajjiżna.

Din l-istqarrija ħarġet biex suppost twieġeb għall-konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-MEP Peter Agius, ix-Shadow Minister Rebekah Borg, Astrid Vella minn flimkien għal Ambjent Aħjar u l-Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala John Baptist Camilleri talbu l-Gvern ta’ Robert Abela jieħu azzjoni immedjata fil-konfront tad-drenaġġ u l-kontaminazzjoni tal-baħar.

Il-kontaminazzjoni fl-ibħra madwar Malta kienet problema kbira li ppersistit matul is-sajf li għadda u li diġà jidher li se tkompli anke matul dan is-sajf.

Tant hu hekk li din is-sena diġà ħarġu avviżi biex ma jsirx għawm fil-bajja tax-Xlendi, fil-bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala… u anke Font Għadir  u Qui Sui Sana  f’Tas-Sliema.