Futbol Sport

Maria Farrugia tħabbar li se tħalli lil Sheffield United għal “kapitlu ġdid”

Maria Farrugia
Maria Farrugia

L-internazzjonali Maltija minn Għawdex, Maria Farrugia ħabbret li mhux se tkompli l-karriera tagħħha ma’ Sheffield United.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Farrugia stqarret li “wasal iż-żmien għal kapitlu ġdid,” u b’hekk se tkun qed tħalli l-klabb ta’ Barclays Womens Championship, Sheffield United, wara biss sena li kienet ilha tilgħab magħhom.

Matul din is-sena, Farrugia kompliet tikber fl-esperjenza tagħha fil-futbol Britanniku tant li fost l-oħrajn hi rebħet l-unur tal-isbaħ gowl tal-istaġun meta f’20 logħba li lagħbet ma’ The Blades, hi skorjat erba’ gowls, b’wieħed minn dawn il-gowls kien il-magħżul għall-isbaħ gowl tas-sena.

Għal Farrugia, dan kien ir-raba’ staġun tagħha f’The Championship fl-Ingilterra, wara li kienet diġà lagħbet ma’ Sunderland, Durham u Lewes.

Farrugia, li għandha 25 sena, sellmet u rringrazzjat lill-klabb ta’ Sheffield United, iżda ma tat l-ebda ħjiel jew indikazzjoni tad-destinazzjoni l-ġdida tagħha.