Il-falliment serju tal-Gvern fil-ħarsien tal-infrastruttura jfisser aktar ħsara lill-ambjent; bajjiet magħluqa huma inkonvenjent għall-Maltin u diżappunt għat-turisti.
Fi stqarrija d-Deputati Nazzjonalisti Mario De Marco, Joe Giglio, Rebekah Borg u Ryan Callus tkellmu fuq kif inqas minn jumejn wara li l-Ministru responsabbli mit-Turiżmu ħareġ jiftaħar bil-fatt li Malta issa għandha 13-il bajja li ttajjar il-Bandiera Blu, il-bajja tal-Fajtata f’Marsaskala – waħda mill-bajjiet li ngħataw dan ir-rikonoxximent – kellha tingħalaq minħabba ħruġ tad-drenaġġ fil-baħar. Minn Blue Flag marret għal Red Alert f’inqas minn 48 siegħa!
Dan hu falliment strutturali ieħor li jikxef kif il-Gvern għal snin twal ma għamel xejn biex iħares u jmantni l-infrastruttura ta’ pajjiżna, aktar u aktar fid-dawl ta’ popolazzjoni dejjem tikber bla kontroll. Il-kwalità tal-ilma, is-saħħa pubblika u r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika qed jitpoġġew f’riskju dirett minħabba n-nuqqas ta’ investiment serju fl-infrastruttura bażika.
Ftit tal-jiem ilu l-awtoritajiet wissew kontra għawm fiz-zona ta’ Qui-si-Sana u ċ-Chalet f’Tas-Sliema minħabba aktar ħruġ ta’ drenaġġ. Ħareġ ukoll avviż li z-zona ta’ Fond Għadir f’Tas-Sliema ukoll ma kinitx tajba għall-għawm minħabba li l-baħar kien ikkontaminat wara ħsara fi storm water culvert. U ngħalqet ukoll għal xi ġranet il-bajja tax-Xlendi Għawdex għax anke hawn il-baħar ma kienx tajjeb għall-għawm. Ftit tal-ġimgħat ilu anke z-zona bejn San Tumas u l-Fajtata kienu zoni meqjusa bħala kkontaminati wara li żbroffa culvert.
Bħal meta ma tmantnix id-dar tiegħek, hekk pajjiżna jmur lura meta l-infrastruttura ma tingħatax il-kura u l-manutenzjoni meħtieġa, fil-ħin u bi pjan. Pajjiżna hu darna lkoll.
Il-manutenzjoni trid issir is-sena kollha u s-sistema tad-drenaġġ, fost l-oħrajn, trid tkun kapaċi tlaħħaq mad-domanda tal-ġurnata.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell tiegħu biex isir pjan nazzjonali serju li jindirizza l-pressjoni dejjem tikber fuq l-infrastruttura tagħna. Il-fatt li l-istess Gvern jiftaħar bil-“kwalità” tal-bajjiet biex jumejn wara l-istess bajja tingħalaq minħabba drenaġġ, huwa eżempju ċar tan-nuqqas ta’ pjan u viżjoni tal-Gvern f’dan il-qasam.
Proprju lbieraħ, numru ta’ residenti Maltin u Għawdxin ingħaqdu mal-NGO ambjentali Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA) biex jippreżentaw petizzjoni appuntu dwar il-problema tad-drenaġġ fil-baħar. Huma qed jitolbu lill-Partit Nazzjonalista biex jieħu azzjoni ħalli l-awtoritajiet Maltin ma jibqgħux jippermettu li jintrema d-drenaġġ fil-baħar bi ksur tal-liġijiet Ewropej wara li tmien xhur ilu Malta nstabet ħatja mill-Qorti Ewropea li qed tikser dawn il-liġijiet u sal-lum xorta għadu qed jintefa’ drenaġġ mhux trattat jew parzjalment trattat fil-baħar mill-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ li għandu pajjiżna. Din il-petizzjoni issa se titressaq quddiem il-Parlament Ewropew mill-MEP Nazzjonalista Peter Agius.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jappella lill-Gvern biex jieħu din il-problema bis-serjetà u jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex pajjiżna jkollu sistema li tixraq lil pajjiż Ewropew. Imma ta’ kull sena l-awtoritajiet iwissu dwar bajjiet ikkontaminati minn ħruġ ta’ drenaġġ.
Dan żgur li la hu xi ċertifikat ta’ kwalità u wisq inqas hu xi inċentiv għat-turiżmu.
Il-PN jemmen li l-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom igawdu l-bajjiet b’sigurtà, b’ambjent nadif u infrastruttura li tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-lum u taħseb għal dawk ta’ għada u jemmen li t-turist ukoll għandu jkun jista’ jgawdi dak li jiġi għalih f’pajjiżna.
Jekk il-Gvern se jkompli jraqqa’ l-pannu bil-qargħa ħamra, kulma se jkollna hi minestra.
//= $special ?>