mid-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Iktar ma tersaq lejhom iktar tagħraf. Tifhem id-dinamika interna ta’ bnedmin li jgħixu flimkien b’ħajja dedikata għall-missjoni u vokazzjoni unika. Kif jgħixu, kif jitolbu, kif jaħdmu lkoll flimkien. X’jiddiskutu bejniethom u ma’ dawk li jmorru jitolbu parir jew jiftħu qalbhom magħhom. Fil-qalb miftuħa u l-ferħ kontinwu waqt li jaħdmu għal oħrajn. Dawk li għandhom motto ċar ħafna li huwa marbut mal-messaġġ li San Pawl jagħti “U inthom, ħuti, agħmlu l-ġid bla qatt ma tgħejjew.” Diversi fil-fatt jagħrfu dan u minkejja dak li jingħad għadhom ifittxu l-opinjonijiet ta’ dawn il-bnedmin, patrijiet u sorijiet. Gwida sabiex jifhmu dak li għaddejjin huma personalment minnu. Wens fil-kumplikazzjonijiet tal-ħajja, fit-traġedji li jaħbtu ħabta u saħta. Diversi drabi f’sitwazzjonijiet li fihom wieħed ma jifhemx għala sab ruħu f’pożizzjoni fejn qiegħed isofri inġustizzji. Imma jifhem li għandu jibda proċess ta’ fejqan lura.
Hemm direzzjoni
Fir-realtà aktar ma jgħaddi żmien aktar wieħed jifhem li hemm dawl ta’ għerf uman mibni sija fuq snin ta’ esperjenzi umani kif ukoll ta’ tagħlim. Hemm formazzjoni personali unika li tingħata lill-oħrajn bl-aktar mod miftuħ u attent. Tmur meta tmur f’kunvent issib attività għas-sewwa għaddejja kontinwament. Hemm direzzjonijiet li tista’ taqbad għalik innifsek bil-pariri tagħhom. Dawk indikati sabiex tagħmel ħajtek aħjar. Waħda iktar rilevanti u li tagħtik iktar dożi tajba fl-iskop u s-sens tal-ħajja. Ħafna bnedmin jsibu ruħhom jgħaddu minn ħafna fil-ħajja mingħajr ma jifhmu dak li qed jġarrbu u li fil-fatt minkejja dan, jistgħu jgħixu aħjar. Proċess xejn faċli aktar u aktar fis-soċjetà tagħna li qegħda tnessi u twarrab dan l-għerf li ġie għalina fis-sekli ta’ esperjenza.
Anselm Grum. (1945)
Ġie aktar dan f’kitbet dan il-bniedem. Dan il-patri Benedittin Ġermaniż li din is-sena għalaq tmenin sena. Persuna mimli għerf, esperjenza umana u reliġjuża. Wieħed li kiteb diversi kotba mill-isbaħ u mimlija b’riflessjonijiet sbieħ. Ilkoll fil-lingwa Tedeska fl-original biss li jien irnexxieli nsib u naqra fit-traduzzjoni bl-Ingliż. Għalkemm huwa magħruf tant li nqalbu f’35 lingwa oħra. Bniedem li min meta kellu 19-il sena għex ħajtu fl-Abażija ta’ Munsterschwarzah, ħdejn Wurzburg, apparentement maqtugħ mid-dinja imma fil-fatt kitbietu juru l-kontra. Kellu l-kariga ta’ “cellarer”, il-bniedem li naħseb li bħal gwardjan tagħna jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-abażija. Li jara l-bżonnijiet tal-bnedmin u dak kollu li jinsab hemm biex jigi kkurat u meħud fl-attenzjoni umana li jixraq. Ospitalità li dawk li jgħixu hemm u dawk li jmorru jinvistaw u jqattgħu ftit jiem miġbura fit-talb, fis-sejħa sabiex ħajjithom tkun aħjar.
Ktieb interessanti
Fl-aħjar tiegħu kellu taħtu madwar 300 impjegat u persuna li kien responsabbli għalihom. F’dan proprju sibt li kiteb wieħed speċjali flimkien ma’ Jochen Zeitz (1963) li għalkemm illum huwa CEO tal-Harley Davidson, dak iż-żmien kien Maniġer tad-ditta PUMA. It-titlu li jgħid ħafna dwaru huwa: “The Manager and the Monk” (A discourse on Prayer, Profit, and Principles.) 2010. Fih hemm riflessjonijiet mill-isbaħ dwar ħidmiethom it-tnejn fl-amministrazzjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijet li kull organizzazzjoni kbira titlob biex tibqa’ għaddejja. Id-diversi bnedmin li jinsabu fin-negozju jew segwaċi tal-management ma jagħmlux ħażin li jixtruh u jaqrawh, ċert li jitgħallmu ħafna. Direzzjonijiet u riflessjonijiet sbieħ li jqiegħdu f’perspettivi differenti dak li bnedmin bħal Peter Drucker (1909-2025) kitbu u qalu.
X’jgħidu
Huma flimkien jgħidu ħafna imma fost oħrajn u indikattiv hekk fil-bidu: “We were aware that the missions and goals of our organizations and our lifestyles were worlds apart; this exactly what drew us together. As people – and as authors – we were initially surprised and intrigued to find that there is more that unites us than divides us. We both wish to protect the environment, improve society, and employ sustainable methods, both within our ‘companies’ and beyond. As managers, we must learn to conduct business without harming people or the environment. As spiritual beings, we look for ways to find ourselves and create more unity without losing sigħt of the need for efficient management.” (Nagħrfu li l-missjonijiet u l-għanijiet tal-organizzazzjonijiet u l-ħajjiet tagħna kienu f’dinjiet differenti; dan però hu li ġibna verament f’daqqa flimkien. Bħala bnedmin u kittieba – konna sorpriżi u interessati li nsibu li kien hemm ferm iktar li jgħaqqadna milli li jifridna. It-tnejn ridna nipproteġu l-ambjent, naħdmu għal soċjetà aħjar, u nużaw metodi sostenibbli, it-tnejn fi ħdan il-‘kumpaniji’ tagħna u iktar. Bħala managers, għandna nitgħallmu mmexxu ħidmietna mingħajr ma nagħmlu ħsara lil bnedmin u lill-ambjent. Bħala bnedmin spiritwali, infittxu toroq biex insibu lilna nfusna u noħolqu aktar unità, għaqda mingħajr ma nitilfu l-bżonn li jkollna management effiċjenti.”
Inqalbu
It-tnejn imxew iktar ’il quddiem għax Zeitz mar jgħix għal xi żmien fl-Abażija “where he was able to find peace and see his world from a different point of view and where many things fell into perspective”.(fejn seta’ jsib paċi u jara d-dinja minn lenti differenti fejn diversi ħwejjeg ġew fil-perspettiva korretta tagħhom.) Mentri Grum mar fil-kumpanija PUMA jifhem kif taħdem espost għad-dinja tal-kummerc fil-komplessità tagħha. Il-ktieb fil-fatt jiftaħ orizzonti ġodda u fl-istess waqt jipprova l-argument li bih bdejt. Il-bnedmin fil-kunventi huma mimlija b’abbilitajiet li mhumiex evidenti salv għal dawk li jiltaqgħu magħhom. Hemm min jikkundanna, jiddisprezza u ma jikkunsidrahomx, mentri fil-fatt hemm dawl mill-isbaħ.
Finali
Il-ktieb jagħlaq wara ħafna diskussjonijiet mill-isbaħ hekk fi kliem Grun “Mr. Zeitz, you and I are stamped by this hope in the same way. We see the world realistically, but we refuse to look at it with dark glasses. We see it througħ the glasses of confidence and hope. “ (Mr.Zeitż, int u jien ninsabu magħġuna l-istess f’din it-tama. Naraw id-dinja realistikament imma nirrifjutaw li nħarsu lejha minn lenti skuri u suwed. Narawha minn lenti ta’ kunfidenza u tama. Id-dinja ta’ madwarna għandha bżonn tikber fit-tama u tagħmel kuraġġ. Hemm triq ’il quddiem li għandna nieħdu sabiex ikollna dinja aħjar. Waħda li dawk fil-kunventi kapaċi jagħtuna ferm iktar milli naħsbu. Dan għax fil-kunventi hemm id-dawl.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta l-1 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>