Opinjoni

OPINJONI: In-Newtralità: Favur jew kontra?

Bosta kienu dawk li qiesu d-deċiżjoni tal-Finlandja u l-Iżvezja li jissieħbu fin-NATO bħala musmar ieħor fit-tebut tan-newtralità

minn Mark Said

Imma hawnhekk, f’din il-gżira żgħira, ħafna huma dawk li jkomplu jiddefendu l-politika tan-Newtralità u l-Liġi dwar in-Newtralità b’atteġġjament ta’ non-alinjament lejn is-superpotenzi, billi jsostnu li jista’ jkun hemm tifsiriet ġodda għal dawn il-kunċetti qodma.
Il-politika nazzjonali Maltija tan-Newtralità u n-non-alinjament tista’ tikkontribwixxi biex jissaħħu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u jkollha rwol importanti biex jiġu żviluppati relazzjonijiet benefiċċjarji reċiproċi bejn il-pajjiżi tad-dinja. Diġà għamilna hekk qabel, u dan juri l-valur tan-Newtralità fir-relazzjonijiet internazzjonali.
Madanakollu, f’każ ta’ kriżijiet, in-Newtralità tagħna dejjem tiġi taħt skrutinju. Għal darb’oħra, Malta qed tiffaċċja mistoqsija ewlenija: għandna nieħdu t-triq ta’ ħbieb ma’ kulħadd, jew dik ta’ iżolazzjoni?
Wasal iż-żmien li nfasslu t-triq għall-ġejjieni
Il-gwerra fl-Ukrajna reġgħet qabdet id-dibattitu kollu dwar in-Newtralità ta’ Malta. Minn mindu ngħaqadna fis-sanzjonijiet kontra r-Russja, x’uħud akkużaw lill-Gvern li kiser in-Newtralità.
Iżda jekk inħarsu lejn il-kwistjoni minn lenti tad-dritt internazzjonali, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet purament ekonomiċi mhix problematika, peress li ma tinvolvix it-teħid ta’ pożizzjoni konkreta fir-rigward ta’ kunflitt bl-armamenti.
Ħafna kritika qed terġa’ titqajjem lokalment. Il-Laburisti estremisti jridu ti titħares Newtralità stretta. Imbagħad, oħrajn, isostnu li aħna qatt ma daħħalna tifsira stretta ta’ Newtralità fil-kostituzzjoni tagħna.
Fil-frattemp, kamp aktar liberali qed jikkampanja għal Newtralità “attiva”. Xi tfisser fir-realtà, din?
Forsi għadna m’aħniex nirrealizzaw kompletament li sħubija fl-Unjoni Ewropea jew fin-Nazzjonijiet Uniti taf tnaqqar mill-kunċett veru tan-Newtralità. Illum il-ġurnata, Malta jinħtiġilha ssib mod kif in-Newtralità tagħha tista’ tkun adattata f’kostellazzjoni politika globali.
In-Newtralità b’ebda mod ma hija l-aktar politika barranija faċli. Tippresupponi sforz kostanti biex jinżamm bilanċ effettiv u enerġetiku, irrispettivament mill-kobor tat-theddida fuq l-orizzont. Sakemm il-konflitti nternazzjonali jibqgħu ta’ spiss fil-politika globali, in-Newtralità wkoll tibqa’.

Dritt internazzjonali
Normalment, it-tifsira tan-Newtralità taħt id-dritt internazzjonali hija l-pożizzjoni legali li toħroġ mill-astensjoni ta’ stat f’kull parteċipazzjoni fi gwerra bejn stati oħra, il-manteniment ta’ atteġġjament ta’ imparzjalità lejn il-belliġerenti, u r-rikonoxximent mill-belliġerenti ta’ dawn l-astensjoni u imparzjalità.
Imma tali tifsira legali internazzjonali mhux dejjem titħares kompletament mill-istati kollha. L-istorja ampjament tipprova dan. Fir-realtajiet tal-lum, il-kunċett tan-Newtralità jvarja ħafna, u jqajjem bosta mistoqsijiet dwar it-tifsira, prattiċi u l-implikazzjonijiet tagħha.
Il-gwerra fl-Ukrajna, it-tensjonijiet kbar bejn il-pajjiżi tal-punent u ċ-Ċina, u t-tibdil f’pajjiżi tradizzjonalment newtrali bħalma huma l-Irlanda, l-Awstrija u l-Finlandja reġgħu qajmu d-dibattitu dwar ir-rwol u relevanza tan-Newtralità fi żmienna.
B’Reżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tat-2 ta’ Frar, 2017, in-Nazzjonijiet Uniti saħqet li l-politika nazzjonali tan-Newtralità ta’ ċerti pajjiżi tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-paċi u sigurtà internazzjonali billi wkoll ikollha rwol importanti fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet reċiproċi benefiċjarji fost il-ġnus tad-dinja.
Malta tgawdi minn kredenzjali b’saħħithom biex tasserixxi, fuq livell internazzjonali, li l-politika tagħha ta’

Newtralità tgħin fit-tkattir tal-paċi u sigurtà fl-inħawi relevanti kif ukoll fuq livell mondjali, u għandha sehem vitali fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet amikevoli, benefiċċji u reċiproċi fost il-pajjiżi fid-dinja.
Madanakollu, fid-dawl ta’ deterjorazzjoni fil-qagħda tas-sigurtà tagħha, l-UE, inkluż Malta, kellha radikalment tfassal mill-ġdid l-istrateġija tad-difiża tagħha, b’enfażi fuq qafas ta’ sigurta’ aktar koeżiva u kordinata. Mhux biss, imma il-Presidenza ta’ Trump u t-tluq probabbli tal-Amerika min-NATO jagħmluha aktar urġenti li dan it-tibdil iseħħ.
Huma bosta llum dawk li jqisu n-Newtralità fi ħdan l-UE bħala ipokrità, peress li pajjiżi membri newtrali, partikolarment pajjiżna, issa ser ikollhom jistrieħu fuq il-ħila ta’ difiża ta’ membri oħra tal-UE u n-NATO f’każ ta’ attakk, filwaqt li jikkontribwixxu inqas għad-difiża kollettiva.
X’aktarx li Malta mhix ser tkun milquta minn dan l-atteġġjament negattiv. Konsegwentement, nibqgħu ħielsa li nfasslu l-kontenut tal-politika tagħna tan-Newtralità, u nkunu dejjem liberi li nieħdu dawk il-miżuri fuq inizzjattiva tagħna nnfusna u rrispettivament mill-obbligi marbuta mal-liġi tan-Newtralità biex niggarantixxu l-effikaċja u l-kredibbilità tan-Newtralità.

Adozzjoni ta’ atteġġjament komprensiv
Dan kollu, l-aħjar jintlaħaq bl-adozzjoni ta’ atteġġjament komprensiv li jikkordina l-istrumenti politiċi kollha tan-Newtralità: politika barranija u ta’ sigurtà, id-diplomazija, u l-politika kummerċjali u ekonomika.
In-Newtralità u n-non-alinjament tagħna ilhom għal ħafna snin il-qofol tal-politika barranija tagħna, u llum huma assodati fil-kultura politika u opinjoni pubblika ta’ pajjiżna. Jirriflettu l-qagħda strateġika tagħna fil-Mediterran u x-xewqa li nżommu l-indipendenza waqt li nevitaw li nsibu ruħna f’xi konflitt reġjonali.
Mingħajr dan kollu, il-kommemorazzjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Newtralità fit-12 ta’ Diċembru taf tkun bla tifsira ta’ xejn għal Malta.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 29  ta’ Ġunju, 2025