Internazzjonali

Stati Uniti: It-tnaqqis drastiku fl-għajnuna globali kapaċi twassal għal 14-il miljun mewta f’ħames snin

Id-deċiżjoni li ħa l-President tal-Istati Uniti Donald Trump biex iwaqqaf il-maġġornaza tal-fondi għall-għajnuna umanitarja fuq livell internazzjonali tista’ tirriżulta fl-imwiet prematuri ta’ madwar 14-il miljun sal-2030.

Dawn il-kalkoli ġew ippubblikati minn The Lancet – ġurnal mediku li kkonferma wkoll li terz minn dan l-ammont kapaċi jkunu tfal u oħrajn fl-ewwel fażi tal-adolexxenza.

Lura f’Marzu, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, qal li l-amministrazzjoni ta’ Trump kienet ħassret madwar 80 fil-mija tal-programmi tal- USAID – l-Aġenzija għall-Iżvilupp Internazzjonali; il-USAID.

Dawn il-fondi li kienu jingħataw lill-pajjiżi foqra u sotto-żviluppati issa twaqqfu, fost il-potenzjal devastanti għall-futur tal-komunitajiet milquta.

Dan ukoll meta għandu jintilef il-progress tal-aħħar snin fil-proġetti għall-ħarsien tas-saħħa għall-popli inkwistjoni… popli li ma jistgħux jiddependu mill-investimenti kontinwi u sostenibbli (fuq livell lokali) f’dan il-qasam daqstant importanti.

Skont l-informazzjoni u statistika miġbura minn 133 pajjiż, hu kalkulat li l-fondi li fl-aħħar snin kienu provduti  mill-USAID evitaw madwar 91 miljun mewta fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, bejn 2001 u 2021.