Lokali Mużika

Stennija għal Dream Theater fil-Malta Metal Weekend fi tmiem il-ġimgħa

minn Noel D’Anastas

Dream Theater, l-ikona tal-mużika metal progressiv, se jkun qed jagħti spettaklu uniku f’Malta fis-6 ta’ Lulju bħala parti mit-tour biex jiċċelebra l-40 anniversarju tiegħu. Dan il-kunċert memorabbli se jkun parti mill-Malta Metal Weekend li se jittella’ bejn l-4 u s-6 ta’ Lulju fl-Eden Arena, f’San Ġiljan.

Il-kunċert ta’ Dream Theater f’Malta qed jiġi organizzat minn NnG Promotions. Din se tkun it-tieni darba li Dream Theater żar Malta, wara l-kunċert li kien ta fostna fl-2019.

Dream Theater, li huwa magħruf għad-dettall mużikali metikoluż, il-kompożizzjonijiet elaborati u l-abbiltajiet tekniċi, ilu kważi erba’ deċennji jiddomina l-ġeneru tal-metal progressiv.

Imwaqqfa fl-1985 minn studenti tal-Berklee College of Music, il-band malajr stabbiliet ruħha bħala forza unika li tgħaqqad il-virtuożità mal-abilità tas-songwriting ambizzjuż. Sal-lum, Dream Theater ħareġ 15-il album, kull wieħed jirrifletti l-kapaċità ta’ kull membru li jdawwar il-konvenzjonijiet mużikali mingħajr ma jitilfu l-għeruq progressivi tagħhom.

Il-formazzjoni attwali tinkludi lil James LaBrie (vokalista), John Petrucci (kitarra), John Myung (bass), Jordan Rudess (keyboards), u Mike Portnoy (drums), grupp li jitqies bħala wieħed mill-aktar influwenti fil-mużika moderna.

Barra Dream Theater, il-Malta Metal Weekend se jinkludi wkoll lil Opeth u Apocalyptica. Magħhom se jingħaqdu Cemetery Skyline u Geoff Tate f’din il-festa sonora ta’ ħoss qawwi u esperjenza immersiva.

Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq showshappening.com