Sport

Team Gaudos jirbaħ it-tieni IZIBET Elite Athlete Award għas-sena 2025

Team Gaudos rebaħ it-tieni unur tal-IZIBET Elite Athlete Award għal din is-sena li jkopri x-xhur ta’ Marzu u April. Dan il-premju hu organizzat minn National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Team Gaudos magħmul mill-Għawdxin Stephen Grima u Brandon Sultana, sar l-ewwel tim minn Malta li temm l-Absa Cape Epic li saret fl-Afrika t’Isfel, f’Marzu li għadda. Team Gaudos spiċċa fil-266 post overall minn 743 tim parteċipant. Grima u Sultana għamluha f’ħin totali ta’ 38 siegħa, 7 minuti u 10 seckondi.

Din it-tiġrija iebsa bil-mountain bikes hi mifruxa fuq tmint ijiem, fuq distanza ta’ 600 kilometru u b’elevazzjoni ta’ 16,500 metru. Il-parteċipanti raw ma’ wiċċhom kundizzjonijiet klimatiċi estremi bħal temperaturi ta’ 51°C flimkien ma’ xita torrenzjali, riħ qawwi u toroq mimlijin bit-tajn.

Stephen Grima ingħata l-midalja Cape Epic hekk kif għamel ukoll l-Andorra Epic u l-iSwiss Epic sabiex ġie rikonnoxut bħala Cape Epic Legend.

Brandon Sultana wkoll irċieva l-istess midalja wara li għamel is-Swiss Epic u qed jimmira biex huwa wkoll bħal Grima jsir it-tieni Cape Epic Legend Malti.

Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.

Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li jevalwaw bir-reqqa l-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.