L-imwiet u l-inċidenzi tan-nirien dovuti għas-sħana rekord saru sfida dejjem akbar għall-Ewropa u l-kumplament tad-dinja. Dan meta n-Nazzjonijiet Uniti wissiet li l-mewġa ta’ sħana straordinarja li qed tiddomina bħalissa wriet aktar minn qatt qabel il-ħtieġa għal regoli aktar effettivi biex il-pajjiżi jadottaw aħjar għax-xejriet allarmanti fil-klima.
Dan waqt li Volker Turk, bħala l-Uffiċjal ewlieni tan-NU b’responsabbiltà għall-ħarsien tad-drittijiet umani, ħeġġeġ ukoll biex il-pajjiżi jikkunsidraw politika ġdida dwar is-sorsi tal-enerġija – fosthom il-fossil fuels – li qed jixprunaw il-bidliet devastanti fl-atmosfera tad-dinja.
Turk qed isostni li l-qabża kbira fit-temperaturi u l-livelli tal-baħar – fost l-inċidenza akbar tal-għargħar u n-nirien qalb foresta – qegħdin jheddu l-ħajja minbarra d-drittijiet tal-bniedem għal ambjent nadif, san u sostenibbli.
Dan fost indikazzjonijiet li l-mewġ tas-sħana – jew heatwaves – se jsiru aktar komuni fil-ġejjeini dment li l-bniedem, bl-attività industrijali, jibqa’ jikkontribwixxi għal dan il-fenomenu. Fl-istess ħin, ix-xjenzati qed jispegaw li ż-żieda fil-livelli tal-gassijiet greenhouse qed jagħmluha dejjem aktar diffiċli biex id-dinja toħroġ mill-morsa tas-sħana eċċessiva.
Sadanittant, l-Ewropa qed tkompli tinqela waqt bidu tas-sajf straordinarju f’termini ta’ sħana.
Dan meta t-temperaturi fi Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu, bħalissa, huma bejn 12 u 16-il gradi Celsius ogħla mill-medja reġistrata għal dan iż-żmien tas-sena.
Fl-aħħar sigħat, kienet effettiva sitwazzjoni ta’ red alert f’Pariġi, il-kapitali Franċiża, kif ukoll fl-inħawi ta’ Val de Loire – u fost stennija li t-temperaturi hemmhekk kienu se jaqbżu l-41 grad Celsius.
L-aġenzija tat-temp, Meteo France, fl-istess ħin, ikkonfermat dan l-istat ta’ allert anki għal sittax-il reġjuni ta’ Franza, fosthom Val-d’Oise, Yvelines, Paris, Seine-Saint-Denis, Val-de-Marne, Hauts-de-Seine, Seine-et-Marne, Essonne, Aude, Yonne, Loiret, Loir-et-Cher, Cher, Indre-et-Loire, Indre u Vienne.
Il-livell massimu tat-twissija kien effettiv ukoll fil-belt Belġjana ta’ Brussell kif ukoll f’partijiet tal-Ġermanja tal-Punent, il-Greċja u l-Kroazja. Dan waqt li l-Iżvizzera kienet qed tistenna l-maltempati bir-ragħad b’effett tas-sħana rekord.
Intant, ir-residenti f’ħafna bnadi lejn in-Nofsinar tal-Ewropa qed josservaw stati ta’ allert dwar is-sħana, għalkemm hemm ukoll tamiet li l-intensità tat-temp tonqos xi ftit lejn tmiem il-ġimgħa.
L-aħħar rapporti mill-Italja referew għal żewġ vittmi ta’ din is-sħana inkredibbli. Wieħed mill-vittmi kien ħassu ħażin u miet bl-effetti tas-sħana waqt li kien qed jaħdem f’sit tal-kostruzzjoni fil-belt ta’ Bologna. Il-vittma l-ieħor, raġel ta’ 70 sena, miet f’inċidenza ta’ għargħar għall-għarrieda u li wkoll kienet dovuta għat-temp. Inċident li seħħ f’resort turistiku lejn il-punent ta’ Turin.
Sadanittant, l-awtoritajiet fl-isptarijiet fir-reġjun Taljan ta’ Toscana kkonfermaw li l-ammissjonijiet tal-pazjenti żdiedu b’20 fil-mija fuq in-normal wara li dawn in-nies spiċċaw affettwati mis-sħana fenomenali.
Fit-Turkija, għexieren ta’ eluf ta’ nies spiċċaw evakwati minħabba n-nirien qalb l-aħrax li qabdu fir-reġjuni lejn il-Punent tal-pajjiż.
Hu anki konfermat li l-heatwaves li ddominaw fi Spanja u l-Portugall kisru kull rekord nazzjonali u meta t-temperaturi qabżu s-46 gradi Celsius fiż-żewġ pajjiżi. Sitwazzjoni li naqqset biss ftit mill-intensità meta l-pressjoni tal-arja sħuna baqgħet konsistenti fil-penisola Iberjana.
Il-poplu Britanniku wkoll qed jgħix minn din l-esperjenza tas-sħana straordinarja, bil-UK Health Security Agency (UKHSA) jestendi t-twissija dwar il-konsegwenzi perikolużi tat-temperaturi għal diversi bnadi tal-Ingilterra. Sitwazzjonijiet ta’ allert effettivi għar-reġjuni ta’ Yorkshire and the Humber, l-East Midlands, il-West Midlands, Londra u z-zoni lejn ix-xokk u n-nofsinar ta’ dan il-pajjiż.
//= $special ?>