Żabbar St Patrick ħabbru b’mod uffiċjali l-akkwist taż-żagħżugħ ta’ 22 sena, Zean Leonardi mingħand Pietá Hotspurs. Leonardi kien il-captain tal-Hotspurs u jilgħab fir-rwol ta’ difensur ċentrali fuq il-lemin.
Għal Leonardi dan hu trasferiment importanti hekk kif sal-lum dejjem lagħab ma’ tim wieħed, filwaqt li hu meqjus bħala wieħed mill-aħjar prodotti li rawmet in-nursery ta’ Pietá Hotspurs f’dawn l-aħħar snin.
Minkejja l-etá tenera tiegħu, f’dawn l-aħħar staġuni, Leonardi kiber ħafna fl-esperjenza ta’ logħob, fejn lagħab regolari ma’ Pietá Hotspurs inkluż fl-istaġun 2022/23, meta Leonardi kien parti mit-tim li lagħab għal staġun fil-Kampjonat Premier.
Leonardi ddebutta mat-tim tal-kbar ta’ Pietá Hotspurs fl-etá ta’ 17-il sena u se jkun qed iħalli lill-klabb li miegħu beda l-karriera tiegħu fil-futbol, b’aktar minn 100 logħba fil-livell tal-kbar, fid-diversi kompetizzjonijiet li lagħab magħhom.
L-akkwist ta’ Leonardi minn Żabbar St Patrick hu meqjus bħala investiment għall-futur, iżda wkoll telfa ta’ plejer ieħor żagħżugħ, b’talent u li hu prodott ta’ Pietá Hotspurs, wara li fil-jiem li għaddew, Valletta akkwistaw lill-midfielder Thomas Melillo.
//= $special ?>