Il-komunità Maltija fir-Renju Unit tinsab f’xokk, hekk kif ġie żvelat li John Attard, anzjan ta’ 88 sena ta’ oriġini Maltija li kien qed jgħix f’Bexley, Kent, miet ftit jiem biss wara li sofra trattament degradanti u vjolenti minn carer li suppost kienet qed tieħu ħsiebu.
Il-każ seħħ fil-Milied tal-2022, meta kamera moħbija f’kamra fid-dar tiegħu stess, li kienet tpoġġiet minn ibnu Chris, żvelat xeni xokkanti ta’ abbuż.
Il-carer, Bilikesu Olagunju ta’ 42 sena, kienet ilha tieħu ħsiebu għal sitt ijiem biss, iżda fi żmien daqstant qasir inqabdet titratta lil Attard bħallikieku kien ‘pupazz’.
Fl-inċident li eventwalment wassal għal mewt ta’ Attard, Olagunju ġibdet lill-anzjan mill-art u kaxkritu, neżżatu u libbsitu l-ħwejjeġ b’mod selvaġġ quddiem tieqa miftuħa għall-pubbliku, u saħansitra hedditu li ser tolqtu, u li ser iċċempel lill-pulizija biex jiġbruh. Kienet ukoll tpoġġilu ħajtu f’riskju billi żżidlu l-marmellata fil-kafè, minkejja li kienet taf li kien dijabetiku.
L-għada filgħodu, f’jum il-Milied, Chris sab lil missieru fis-sodda, barra minn sensieh u bid-demm ħiereġ minn rasu. Huwa ttieħed l-isptar, iżda sfortunatament baqa’ qatt ma rkupra, u miet għaxart ijiem wara.
Fil-qorti Ingliża, il-prosekuzzjoni spjegat li l-filmati juru t-trattament brutali u degradanti li l-carer wettqet bla ħniena, għal theddid verbali u nuqqas assolut ta’ rispett. Ġie żvelat ukoll li minkejja li kienet ġiet avżata biex ma tmissux u ċċempel ambulanza, hija ddeċidiet li tkompli tmissu u taħqru, u saħansitra gergret li kellu jkun raġel li suppost qed jagħmel xogħolha.
Quddiem il-Qorti, Olagunju ammettiet għall-akkuża ta’ abbuż jew negliġenza intenzjonata waqt li kienet qed taħdem bħala carer. Hija ntbagħtet sitt ġimgħat ħabs sospiżi għal 18-il xahar u għandha sservi wkoll 50 siegħa xogħol volontarju.
Il-Qorti semgħet ukoll kif dan kien l-ewwel pazjent tagħha minn mindu waslet ir-Renju Unit u minkejja dan, kienet mogħtija responsabbiltà daqstant sensittiva mingħajr taħriġ adegwat. Il-Qorti ddikjarat li dan kien nuqqas serju mis-sistema, iżda ma jnaqqas xejn mill-gravità ta’ dak li għadda minnu l-vittma.
Iben il-vittma, Chris, irrakkonta kif missieru, li kellu ħames itfal, 11-il neputi u seba’ tfal tan-neputijiet, kien raġel ġeneruż, umli u b’qalb tad-deheb. Qal li l-filmati tal-CCTV tant weġġawh li għad għandu diffikultà jorqod.
Għalkemm l-awtopsja ma setgħetx tikkonferma li l-mewt kienet direttament ikkawżata mill-abbuż, il-familja tħoss li l-atti ta’ Olagunju wasslu għall-mewta tal-anzjan… u għall-uġigħ li se jibqa’ magħhom għal dejjem.
//= $special ?>