Lokali

“Bżonn li titjieb il-kwalità tal-kura paljattiva”

“Oqtol l-Uġigħ, Mhux Lili.” – Din hija l-kampanja li ġiet imnedija mil-Life Network Foundation bil-għan li jkun hemm investiment serju fil-kura paljattiva f’pajjiżna u kontra s-suwiċidju assistit.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu quddiem Kastilja ingħad li ġie preżentata petizzjoni b’aktar minn 11,500 firma lil Robert Abela – petizzjoni bil-għan li jiġu kkunsidrati l-appelli tan-nies meta tkun qed issir l-analiżi dwar il-proposta tal-Gvern.

Waqt il-konferenza, intqal li kull ħajja għandha valur u l-għan ewlieni huwa li titjieb il-kwalità tal-kura paljattiva f’pajjiżna sabiex il-pazjenti – kemm dawk fl-isptar kif ukoll dak li jkunu d-dar – jingħataw kura li tixirqilhom u jgħixu l-aħħar mumenti ta’ ħajjithom b’dinjità.

F’kummenti ma’ Net News il-Kap Eżekuttiv ta’ Life Network Foundation Miriam Sciberras spjegat kif preżentament il-kura paljattiva mhijiex aċċessibbli għal kulħadd. Apparti minn hekk, hija qalet li persuni fi stat vulnerabbli ma jistgħux jagħmlu deċiżjoni serja bħal din fuq ħajjithom.

Din il-kampanja ġiet imnedija wkoll minn aspett ta’ għarfien għaliex in-numru ta’ safeguards li wiegħed il-Gvern f’din il-proposta mhumiex possibbli; tant li f’pajjiżi oħra fejn daħlet l-ewtanasja dawn is-safeguards spiċċaw waqgħu kollha.

Ġie spjegat ukoll li fil-pajjiżi fejn hemm is-suwiċidju assistit dan spiċċa ngħata lill-persuni b’mard kroniku kif ukoll lill-persuni li għandhom id-dimensja u mard mentali – fost affarijiet oħra.

Kien għalhekk li matul din il-konferenza huma appellaw lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jitgħallem minn dawn l-iżballji qabel ma jkun tard wisq.