Lokali

Il-filmat tal-uffiċjali tal-LESA jieħdu l-kokaina hu stampa tar-realtà li teżisti f’pajjiżna, u li l-Gvern irid jaħbi – PN

Wara l-filmat ta’ tliet uffiċjali tal-LESA jieħdu d-droga fil-karozza tax-xogħol, il-Gvern għandu jgħid x’azzjoni se jieħu biex iserraħ ras il-poplu li mhux se jseħħu każijiet oħra bħal dawn

Il-poplu jistenna li l-uffiċjali li xogħolhom hu li jħarsu s-sigurtà fit-toroq tagħna jkunu f’kundizzjoni li jagħmlu dan. Mhux aċċettabbli li mal-perikli li diġà jeżistu fit-toroq jiżdiedu aktar perikli minn uffiċjali li xogħolhom hu li jħarsuna minnhom.

Ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott; qal fi stqarrija li l-inċident tal-aħħar jiem fejn tliet uffiċjali tal-LESA nqabdu fuq filmat jabbużaw mid-droga kokaina fil-karozza tax-xogħol tagħhom għandu jdoqq l-allarm lill-Gvern ta’ Robert Abela u lill-Ministru għall-Intern li taħtu taqa’ din l-aġenzija.

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel li dawn l-uffiċjali mhumiex posthom iduru fit-toroq tagħna u jitlob għal azzjoni fid-dawl tal-fama kerha li ħadet il-LESA b’dan l-inċident. Fl-istess waqt jitlob li t-tliet uffiċjali minnufih jibdew jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex jegħlbu l-vizzju tad-droga.

Din hi stampa kerha tar-realtà f’pajjiżna, fejn il-konsum tad-droga kokaina sar xi ħaġa normali u mifrux kullimkien. Din hi problema li ħakmet lill-pajjiż, qed tkisser il-familji u qed teqred il-ħajjiet.

Dan il-filmat iħalli tebgħa sewda fuq l-infurzar f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li l-aġir ta’ tliet uffiċjali m’għandux itebba’ r-reputazzjoni ta’ uffiċjali oħra tal-LESA li jwettqu dmirhom b’resonsabbiltà u serjetà. Min hu inkarigat mill-ingaġġ u l-monitoraġġ tal-uffiċjali jġorr fuqu responsabbiltà kbira fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jifhem x’qed jistenna l-Gvern biex jieħu azzjoni u jniedi kampanja b’saħħitha kontra l-użu tad-droga, u fl-istess waqt jara li wara dak li seħħ jerġa’ jibni l-kreddibiltà fil-LESA – aġenzija li hija mifnija bi skandli oħra – kif ukoll il-kredibbiltà fl-infurzar inġenerali.

Il-Gvern, qal Darren Carabott, irid juri bis-serjetà li beħsiebu jagħmel kampanja edukattiva kontra l-użu tad-droga. Sal-lum, falla f’dan il-qasam.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Ministru Byron Camilleri flimkien mal-LESA jinfurmaw lill-pubbliku b’mod ċar u immedjat kif se jindirizzaw dak li seħħ. Sempliċi tkeċċija tal-uffiċjali involuti mhux se ssolvi l-problema.