Lokali

“Il-Hospice toffri 24 siegħa ta’ sapport kuljum” – Jackie Bartolo Camilleri

“F’dawn il-mumenti tkun tixtieq li jkollok ħabiba miegħek 24 siegħa kuljum li tisimgħek, tifhmek u tkun miegħek dejjem – hekk hi l-Hospice”.

Kien dan il-mod li bih Jackie Bartolo Camilleri iddeskriviet l-għajnuna li rċieva missierha Anthony flimkien mal-familja kollha tagħha meta missierha kien għaddej mill-aktar żmien diffiċli.

Jackie spjegat li kull min jgħaddi mill-kanċer jew jara persuna timrad bil-kanċer, jista’ jifhem kif fost l-emozzjonijiet u t-tbatija li wieħed ikun għaddej minnha, ħajtek tinħakem minn kaos.

Ikun hawn fejn il-Hospice toffri direzzjoni, toffri tama u toħloq stampa ċara tas-sitwazzjoni li tkun għaddej minnha.

Jackie spjegat li inizjalment, sitwazzjoni bħal din taħkmek f’kaos u sitwazzjonijiet li ma tistax issibilhom tarf; iżda l-Hospice toffrilek stampa ċara.

B’Jackie tispjega kif anke sempliċiment telefonata inizijali, u l-vista mill-ħaddiema tal-Hospice fissret sapport kbir.

Jackie spjegat kif missierha Anthony, kien kollox għaliha. U huwa propju għal din ir-raġuni li l-għajnuna tal-Hospice, taffiet ħafna mid-diffikultajiet tagħhom.

Għal darba oħra, Hospice Malta se tkun qed ttella’ maratona ġbir ta’ fondi bit-tema ta’ ‘Ħajja sal-aħħar’ bil-għan li familji milquta minn mard terminali jirċievu l-għajnuna u s-sapport li jistħoqqilhom.

Din il-maratona se tkun qed tibda fil-11am u tintemm fil-11pm. U se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, anke fuq Net Television.