Il-Moviment Graffitti ssottometta l-kummenti tiegħu rigward ewtanasja volontarja assistita, u afferma l-appoġġ tiegħu għad-dritt tal-individwi li jagħżlu li jtemmu t-tbatija tagħhom meta jkunu qed jaffaċċjaw mard terminali jew li ma jistax jiġi mfejjaq. L-għaqda temmen li l-awtonomija personali f’deċiżjonijiet tant sensittivi għandha tiġi rrispettata, u li ħadd m’għandu jiġi mġiegħel ibati minħabba liġijiet restrittivi jew xi twemmin impost.
Fl-istess waqt, il-Moviment Graffitti jagħraf li l-ewtanażja volontarja assistita hija kwistjoni soċjali kumplessa li teħtieġ regolamentazzjoni bir-reqqa sabiex jiġi evitat l-abbuż u biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod verament volontarju. L-għaqda qed tenfasizza l-ħtieġa ta’ qafas legali b’saħħtu, flimkien ma’ kura paljattiva ta’ kwalità għolja u appoġġ komunitarju aċċessibbli, sabiex jiġu protetti l-individwi vulnerabbli u tiġi ssalvagwardjata d-dinjità tagħhom.
Tħassib ċentrali fil-kummenti tal-Moviment Graffitti huwa l-kriterju ta’ eliġibbiltà attwali, li jirrestrinġi l-aċċess abbażi ta’ pronjożi ta’ sitt xhur. Dan huwa limitu arbitrarju u esklużiv, u jista’ joħloq pressjoni psikoloġika fuq il-pazjenti biex jieħdu deċiżjonijiet mgħaġġla. Minflok, qed nipproponu li l-liġi għandha tippermetti l-ewtanasja volontarja assistita għal kull persuna li qed tbati minn mard fiżiku li ma jistax jiġi mfejjaq u li jillimita serjament il-kwalità tal-ħajja.
Barra minn hekk, l-esklużjoni proposta għal diżabbilitajiet jew mard relatat mal-età hija wisq wiesgħa u suġġettiva, u tirriskja li l-aċċess jiġi rrifjutat b’mod inġust u li tinħoloq inċertezza legali kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-professjonisti fil-kura tas-saħħa.
Il-Moviment Graffitti qed jisħaq ukoll li istituzzjonijiet privati m’għandhomx jitħallew jipprovdu servizz ta’ ewtanasja volontarja assistita, sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà kontinwa u biex ma ssirx mezz ta’ profitt monetarju.
Barra minn hekk, il-Moviment Graffitti enfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-istrutturi tal-kura tas-saħħa. Dan għandu jinkludi titjib fl-edukazzjoni dwar il-kura paljattiva mil-livell universitarju ’l quddiem, l-integrazzjoni tal-kura fit-tmiem tal-ħajja fi ħdan it-taħriġ kollu rilevanti tal-kura tas-saħħa, u żieda fl-għarfien pubbliku permezz ta’ informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar l-għażliet kollha disponibbli.
Il-Moviment Graffitti qed jipproponi wkoll żieda fil-finanzjament biex jiġu żviluppati faċilitajiet speċjalizzati għall-kura paljattiva u hospice li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-istatus finanzjarju jew soċjali.
Fuq kollox, l-ewtanasja volontarja assistita għandha tibqa’ l-aħħar għażla, li tiġi kkunsidrata biss wara li jkunu ġew esplorati u pprovduti l-għażliet mediċi u ta’ appoġġ kollha mingħajr ebda ġudizzju jew xkiel.
//= $special ?>