Lokali

Il-PN jifraħ lil Fabio Spiteri wara li temm b’suċċess id-Deca-Triathlon fi Franza

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-atleta ultra-endurance Malti Fabio Spiteri li għadu kemm temm b’suċċess waħda mill-akbar sfidi ta’ endurance fid-dinja: id-Deca-Triathlon fi Franza, f’ħin ta’ 233 siegħa, 39 minuta u 29 sekonda. Dan hu wkoll rekord nazzjonali. Dan l-avveniment jikkonsisti fi 38 kilometru għawm, 1,800 km rota u ġirja ta’ 422 kilometru, kollha konsekuttivi.

Ix-Shadow Minister David Agius u s-Segretarja ta’ Tim Sport PN Paula Briffa qalu fi stqarrija, li din l-isfida, mifruxa fuq diversi jiem ta’ sforz bla waqfien, teżamina l-limiti fiżiċi u r-reżiljenza mentali tal-bniedem. B’dan is-sucċċess, Fabio hu wieħed fost grupp żgħir ta’ atleti madwar id-dinja li rnexxielhom jtemmu b’suċċess din l-isfida.

Dan is-suċċess hu pass ieħor importanti fil-karriera atletika ta’ Spiteri li, bla dubju, hi minnha nfisha waħda tassew impressjonanti. Spiteri hu magħruf għall-parteċipazzjoni tiegħu f’ultra-triathlons, kif ukoll għall-impenn favur l-isport fejn jidħlu distanzi twal. Spiteri hu magħruf ukoll għad-dedikazzjoni li għandu biex iqajjem kuxjenza u jiġbor fondi għall-ħarsien tal-annimali f’Malta – kawża li hi ħafna għal qalbu.

Ix-Shadow Minister David Agius u Paula Briffa qalu li dan is-suċċess fid-Deca-Triathlon mhux biss hu suċċess personali, iżda wkoll turija ta’ determinazzjoni u dixxiplina li wieħed irid ikollu biex jilħaq għanijiet li jidhru impossibbli.