Rapporti fil-media internazzjonali qed jindikaw li Inter Miami huma kunfidenti li l-kuntratt ta’ Lionel Messi se jkun qed jiġġedded.
L-attakkant ta’ 38 sena, hu marbut b’kuntratt mal-klabb tal-Major League Soccer sa Diċembru li ġej u preżentament għaddejin negozjati bejn iż-żewġ partijiet biex il-kuntratt ta’ Messi jkun estiż.
Skont l-istess rapporti, fattur li qed jimmotiva liż-żewġ naħat biex Messi jibqa’ ma’ Inter Miami hi l-attenzjoni kbira li jibqa’ jkollu dan il-Kampjonat fl-Istati Uniti, fid-dawl tal-fatt li fl-2026 l-Amerikani, flimkien mal-Messiku u l-Kanada se jkunu qed jorganizzaw l-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja.
M’huwiex sigriet li Messi qed jattira interess minn klabbs fl-Arabja Sawdija, pero skont diversi spekulazzjonijiet mhux konfermati, l-intenzzjoni tal-captain tal-Arġentina taf tkun li jtemm il-karriera tiegħu bħala plejer, wara li jkun lagħab l-edizzjoni li jmiss tat-Tazza tad-Dinja. Matul dan it-turnament, li se jkun qed jintlagħab bejn il-11 ta’ Ġunju u d-19 ta’ Lulju tas-sena d-dieħla, Messi u sħabu se jkunu qed jiddefendu t-titlu ta’ champions tad-dinja li rebħu fl-aħħar edizzjoni li saret fil-Qatar.
//= $special ?>