Internazzjonali

It-temperaturi esaġerati fl-Ewropa jħallu numru ta’ persuni mejta

Ritratt: BBC News

It-temperaturi madwar l-Ewropa qed jibqgħu jiżdiedu u jħallu l-effetti detrimentali tagħhom.

Matul il-jum tat-Tlieta, pumpiera li kienu qed jissieltu ma’ nirien f’Katalunja fi Spanja, sabu żewġ persuni mejta.

Skont l-awtoritajiet ta’ Katalunja jidher illi dawn iż-żewġ persuni nstabu mejta waqt li l-pumpiera kienu qed iwettqu x-xogħol tagħhom biżwit ir-raħal ta’ Coscò.

B’żewġ persuni oħra jinstabu mejta fi Franza, wkoll minħabba temperaturi esaġerati li ħakmet ir-reġjun. Bl-awtoritajiet Franċiżi jispjegaw li kienu ‘l fuq minn 300 persuna li ngħataw l-għajnuna minħabba s-sħana li qed tagħmel.

Il-kontinent Ewropew qed jesperjenza temperaturi esaġerati, minħabba dak li skont qed tispejga n-Nazzjonijiet Uniti – bidla fil-klima minħabba azzjonijiet umani.

Spanja u r-Renju Unit raw l-ogħla temperaturi f’Ġunju, bit-temperaturi saħansitra jaqbżu l-40 grad celcius.

It-Taljani wkoll esperjenzaw temperaturi għoljin aktar mis-soltu, fejn saħanistra żewġ ħaddiema kellhom jittieħdu l-Isptar b’mod urġenti sabiex jingħataw il-kura. B’wieħed minn dawn il-ħaddiema issa jinsab fl-ITU u f’coma.

Għal dan il-fenomenu kienu bosta li esprimew it-tħassib tagħhom, bl-organizazzjoni Meterjoloġika Dinjija tispjega kif l-effett ta’ dawn it-temperaturi huwa wieħed detrimentali għall-popli u li qed jinħass l-aktar f’żoni urbani minħabba bini, vetturi u anke sorsi li jipproduċu s-sħana.