Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar li Iżrael qed jaqbel dwar il-kundizzjonijiet għal waqfien mill-ġlied, effettiv għal 60 jum, fil-Medda ta’ Gaza. Dan wara ġimgħat konsekuttivi ta’ azzjonijiet militari u dmija, bil-President Trump iwissi lit-terroristi tal-Ħamas biex jaċċettaw dan il-ftehim ‘ħalli l-affarijiet ma jaqilbux għall-agħar’.
L-aħbar ħarġet ftit qabel laqgħa li għandha ssir fil-White House bejn Trump u l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu. Dan ukoll meta Netanyahu, fl-aħħar ġranet, kien qed jissikka l-morsa fuq il-Ħamas bl-iskop li t-terroristi jeħilsu lill-aħħar ostaġġi Iżraeljani li ilhom iżommu għal kważi sentejn fiz-zoni ta’ Gaza.
Il-Mexxej Amerikan ilu jżid il-pressjoni fuq il-Gvern Iżraeljan u l-Ħamas biex huma jikkommettu ruħhom għal waqfien mill-ġlied u proċess li jiffaċilita l-ħelsien tal-ostaġġi. Trump għandu l-ambizzjonijiet li jingħata l-Premju Nobel għall-Paċi u meta fuq kollox jinsab determinat biex jikkonkludi l-konflitt ta’ Gaza li ilu għaddej minn Ottubru tal-2023.
Trump ikkonferma li Iżrael, issa, qabel dwar il-kundizzjonijiet neċessarji biex jiffinalizzaw il-ftehim għal waqfien mill-ġlied u li hu se jkun qed jaħdem ‘mal-partijiet kollha’ lejn it-tmiem permamenti tal-konflitt.
Trump, permezz ta’ stqarrija fuq Truth Social, awgura li ‘l-Ħamas jaċċetta dan il-ftehim biex is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani ma tiggravax’.
Sadanittant għad hemm arja ta’ imprevedibbiltà fil-kamp tal-Ħamas minħabba l-mod vjolenti kif kien intemm l-ewwel ftehim għall-waqfien mill-ġlied (f’Gaza) f’Marzu li għadda.
Madankollu, Donald Trump jemmen li dan hu ż-żmien kruċjali għall-iżviluppi li jikkonkludu tassew il-gwerra ta’ Gaza li swiet il-ħajja ta’ aktar minn 56,000 Palestinjan – ilkoll vittmi tal-attakki konsistenti tal-militar Iżraeljan mindu bdiet il-gwerra (fis-7 ta’ Ottubru tal-2023) b’konsegwenza tal-attakki terroristiċi storiċi tal-Ħamas fuq Iżrael.
Il-Ħamas xorta għad għandu l-kapaċitajiet biex jirreżisti lil Iżrael, iżda l-Istati Uniti temmen li dan il-grupp tilef ħafna mis-saħħa li kellu. Hemm ukoll is-sinjali li l-Ħamas spiċċa aktar vulnerabbli wara li tilef ħafna mill-kmandanti ewlenin tiegħu b’kaġun tal-offensiva tal-Iżraeljani fuq Gaza.
Hu minnu wkoll li l-Iran, sostenitur kbir tal-Ħamas, ġarrab impatt terribbli mill-gwerra ta’ 12-il jum ma’ Iżrael li kkonkludiet ftit tal-jiem ilu. Konflitt li wassal ukoll għall-intervent tal-Istati Uniti, meta l-qawwiet tal-ajru tal-Amerikani attakkaw lis-siti nukleari tal-Iranjani.
Fl-aħħar sigħat, intant, il-Ministru Iżraeljan Ron Dermer, li hu responsabbli għall-Affarijiet Strateġiċi ta’ pajjiżu, kien f’Washington biex jiddiskuti l-waqfien mill-ġlied potenzjali għal Gaza flimkien mal-Uffiċjali tal-Gvern Amerikan.
U meta l-ġurnalisti staqsew lil Trump jekk kellux iwettaq ‘pressjoni eċċessiva’ fuq Benjamin Netanyahu biex jaqbel mal-ftehim, il-President Amerikan wieġeb li Netanyahu ‘kien qed jidher dispost biex iwaqqaf il-ġlied’. Donald Trump hu wkoll ottimist li l-ftehim għandu jsir effettiv mill-ġimgħa d-dieħla.
It-taħditiet bejn Iżrael u l-Ħamas ilhom isibu l-intoppi minħabba aspett partikulari – f’dan il-każ, impenn totali lejn it-tmiem tal-gwerra bħala kundizzjoni għal kwalunkwe ftehim għall-waqfien mill-ġlied.
Benjamin Netanyahu, intant, sostna kemm-il darba li ftehim għal waqfien mill-ġlied – irrispettivament minn kemm idum – m’għandux jitqies bħala tmiem uffiċjali għall-gwerra.
Il-Prim Ministru Iżraeljan, fil-fatt, qed jenfasizza li l-gwerra ta’ Gaza tintemm biss ladarba Iżrael jaċċerta mill-qerda assoluta tal-Ħamas u t-tkeċċija tal-Kapijiet tiegħu (minn Gaza). Madankollu, il-grupp terroristiku bl-ebda mod mhu lest li jaċċetta dawn il-kundizzjonijiet.
Fl-istess ħin, il-Ħamas qed jgħid li hu lest biex jeħles lill-ostaġġi kollha bi skambju mal-irtirar sħiħ tat-truppi Iżraeljani minn Gaza u dikjarazzjoni uffiċjali, minn Iżrael, dwar it-tmiem tal-gwerra.
//= $special ?>