Chelsea laħqu ftehim ma’ Brighton fuq l-akkwist tal-attakkant ta’ 23 sena, João Pedro.
L-akkwist tal-Brażiljan ifisser li l-plejer jista’ jiddebutta mal-klabb il-ġdid tiegħu minn Londra, nhar is-Sibt li ġej, meta Chelsea jilagħbu kontra Palmeiras f’Philadelphia, fil-kwarti tal-finali tal-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs.
João Pedro hu t-18-il plejer fir-rwol ta’ attakkant li ffirma ma’ Chelsea, f’temp ta’ ftit aktar minn tliet snin. Chelsea qablu li jħallsu s-somma ta’ £60 miljun għall-akkwist tal-eks plejer ta’ Fluminense u Watford, biex b’hekk in-nefqa tal-klabb f’dan il-perjodu, speċifikament fuq akkwisti ta’ attakkanti, issa telgħet għal £560 mijun.
João Pedro aċċetta li jiffirma kuntratt fit-tul ma’ Chelsea, u li se jkun qed jorbtu ma’ dan il-klabb għal tmien snin.
Hu kien ilu ma’ Brighton għal dawn l-aħħar żewġ staġuni, fejn matulhom João Pedro skorja 19-il gowl fil-Premier League Ingliż, fi 58 partita.
Sal-lum, João Pedro diġà lagħab tliet darbiet mat-tim nazzjonali Brażiljan.
//= $special ?>