L-attakkant Kolombjan, Johan Alberto Castaño se jkun qed jilgħab għall-ewwel darba fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, wara li ilu tmien snin jilgħab f’pajjiżna.
Castaño, li għandu 32 sena, fl-aħħar sigħat tħabbar bħala akkwist ġdid minn Tarxien Rainbows. L-attakkant u skorer prolifiku, kien qed jilgħab l-aħħar f’Għawdex ma’ Xagħra United fejn temm staġun pożittiv li matulu fi 17-il partita mill-Ewwel Diviżjoni tal-Gozo League, hu skorja 12-il gowl.
Castaño se jkun qed jilgħab għall-ewwel darba fil-Malta Premier, wara li f’dawn l-aħħar snin kiseb esperjenza ma’ diversi klabbs fiċ-Challenge League. Hu kien inġieb f’Malta fl-istaġun 2017/18 minn Żejtun Corinthians, u fis-snin ta’ wara hu lagħab ma’ diversi klabbs oħra f’Malta u Għawdex. F’Malta, Castaño lagħab ma’ Mqabba, Swieqi United u Fgura United filwaqt li f’Għawdex, apparti ma’ Xagħra United, hu lagħab ukoll ma’ Nadur Youngsters.
L-aqwa esperjenza li Castaño kellu f’Malta sal-lum kienet ma’ Żejtun Corinthians fejn f’39 partita hu skorja 29 gowl.
Castaño hu akkwist ieħor minn Tarxien Rainbows, li fl-istaġun 2025/26, se jkunu qed jirritornaw fil-Malta Premier taħt it-tmexxija tal-kowċ Jacques Scerri.
//= $special ?>