Caritas Malta temmen li leġiżlazzjoni li tista’ tinsinwa u tiftaħ il-bieb biex xi ħadd iħossu bħala piż żejjed, m’għandhiex tiġi kkunsidrata. Caritas Malta temmen bis-sħiħ li kura paljattiva b’saħħitha, li toffri kura totali u kontroll totali tal-uġigħ (fiżiku, psikoloġiku, soċjali u spiritwali) minn tim multidixxiplinarju hija l-aktar għażla dinjituża biex tappoġġja bis-sħiħ lin-nies lejn tmiem ħajjithom.
Fi stqarrija b’reazzjoni għall-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Ewtanasja Voluntarja Assistita, Caritas Malta saħqet li tirrikonoxxi kemm id-diskussjoni dwar is-suwiċidju assistit u l-ewtanasja hi delikata. Kull suġġett li jinvolvi l-uġigħ enormi li tkun għaddejja minnu persuna, jeħtieġ sensittività kbira lejn dik il-persuna u empatija lejn dawk li, fl-uġigħ tagħhom jistgħu jikkontemplaw tmiemħajjithom.
Caritas tappoġġja bis-sħiħ it-tisħiħ ta’ sistema ta’ kura paljattiva li toffri serħan mill-uġigħ ta’ dawn il-persuni f’ambjent ta’ appoġġ, minflok ma nipprovdu leġiżlazzjoni li tippermetti suwiċidju assistit u/jew ewtanasja.
Caritas Malta għamlet referenza għal esperjenzi minn pajjiżi oħra fejn salvagwardji inizjali li tpoġġew bi ħsieb li jikkontjenu suwiċidju assistit u ewtanasja ġew abbandunati. Pereżempju, fil-Belġju l-ewtanasja saret disponibbli għal individwi taħt l-età u dawk li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali.
Caritas Malta hi xhieda kostanti ta’ kif persuni li qed jissieltu bi problemi ta’ saħħa mentali, u persuni li setgħu kkontemplaw is-suwiċidju, bl-għajnuna u l-appoġġ xierqa, jirnexxilhom jirkupraw u jgħixu ħajja fil-milja tagħha. Kull leġiżlazzjoni li eventwalment tista’ tiftaħ il-bieb għal persuni bi problemi ta’ saħħa
mentali biex jieħdu l-għażla ta’ suwiċidju assistit hija ta’ tħassib serju u tmur kontra l-prinċipju taddinjità umana.
Organizzazzjonijiet oħra ta’ Caritas madwar id-dinja jirrappurtaw li s-suwiċidju assistit u l-ewtanasja jispiċċaw isiru għażla offruta b’mod attiv minn professjonisti tas-saħħa lil dawk li jkunu waslu lejn tmiem ħajjithom. F’dan ir-rigward, leġiżlazzjoni li tibda fuq il-premessa tal-ħniena tispiċċa f’leġiżlazzjoni li tippromwovi u tagħmel pressjoni fuq it-tmiem tal-ħajja ta’ persuna, u b’hekk tnaqqas id-dinjità umana kollha.
Organizzazzjonijiet ta’ Caritas f’pajjiżi fejn is-suwiċidju assistit u l-ewtanasja huma disponibbli,
jirrappurtaw ukoll li tali leġiżlazzjoni hija diskriminatorja lejn persuni fil-faqar u stat soċjo ekonomiku
baxx. Dawn jistgħu jħossuhom taħt pressjoni akbar li jtemmu ħajjithom biex jevitaw li jkunu ta’ piż
għal dawk ta’ madwarhom. Bħala organizzazzjoni li titkellem favur l-eredikazzjoni tal-faqar, dan huwa fattur ieħor li joħloq tħassib serju.
Caritas Malta tenniet li l-bniedem jixraqlu jmut f’idejn ħaddieħor, u mhux minn idejn ħaddieħor.