Tarxien Rainbows akkwistaw plejer ieħor barrani li kien qed jilgħab f’Malta u li huma konxji mill-attributi u l-kapaċitajiet tiegħu, meta llum ħabbru li l-midfielder Kwasi Donsu ffirma magħhom.
Il-plejer ta’ 29 sena mill-Ghana se jkun qed jirritorna jilgħab fil-Malta Premier, wara li qatta’ l-istaġun li għadda ma’ Mġarr United fiċ-Challenge League fejn lagħab f’20 partita mat-tim li kien taħt it-tmexxija tal-kowċ Brian Spiteri.
Donsu, li hu meqjus bħala midfielder versatili li kapaċi jilgħab f’diversi rwoli, kien wieħed mid-diversi plejers mill-Ghana li fil-bidu tal-istaġun 2023/24, inġiebu sabiex jilgħabu f’pajjiżna minn Sirens. Għaldaqstant għal Donsu, l-esperjenza l-ġdida tiegħu ma’ Tarxien Rainbows, mhux se tkun l-ewwel waħda tiegħu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Fl-ewwel staġun tiegħu f’Malta, Donsu kien lagħab f’26 partita ma’ Sirens u skorja darbtejn.
S’issa, matul din it-tieqa tat-trasferimenti tas-sajf, l-iskwadra ta’ Jacques Scerri kienet attiva mhux ftit bl-objettiv li tissaħħaħ l-iskwadra tagħhom. Huma qed jirritornaw jilgħabu fil-Malta Premier wara nuqqas ta’ erba’ staġuni.
Donsu hu d-disa’ plejer li ħabbru Tarxien Rainbows fil-lista ta’ plejers ġodda għall-istaġun 2025/26. It-tmien plejers l-oħra huma, il-plejers Maltin, Miguel Spiteri (mingħand Sirens), Andrea Cassar (mingħand Sirens), Andreas Vella (mingħand Santa Lucia), Luke Borg (mingħand St. Andrews), Kyle Gatt (mingħand Marsa), William James England (mingħand St. Andrews) u Marcus Grima (mingħand Balzan) filwaqt li aktar kmieni din il-ġimgħa ħabbru l-akkwist tal-ewwel barrani ġdid fl-iskwadra, l-attakkant Kolombjan Johan Castaño mingħand Xagħra United f’Għawdex.
//= $special ?>