Il-President tal-Iran ħareġ direttivi ċari biex pajjiżu ma jikkoperax aktar mal-International Atomic Energy Agency (IAEA) li hu l-osservatur prinċipali dwar l-attività nukleari madwar id-dinja. Id-direttiva ta’ Masoud Pezeshkian saret magħrufa jiem wara li l-qawwiet ta’ Iżrael u l-Istati Uniti kkonċentraw sensiela ta’ attakki fuq is-siti nukeari ta’ Fordow, Natanz u Isfahan.
Id-dikjarazzjoni segwiet il-liġi għas-sospensjoni ta’ din il-koperazzjoni li l-ġimgħa l-oħra għaddiet mill-Parlament Iranjan. Dan wara li l-politiċi Iranjani, b’mod unanimu, appoġġjaw ‘il-miżura’ kontra l-IAEA – bl-abbozz ikollu wkoll is-sostenn tal-Kunsill tal-Gwardjani influwenti ta’ Tehran. Il-Kunsill Suprem Iranjan għas-Sigurtà, issa, hu nkarigat bl-implimentazzjoni tal-abbozz, waqt li l-President Pezeshkian ma żvelax ‘sa liema livell iridu jaslu’.
Il-ftehim nukleari li l-Iran kien laħaq, fl-2015, mal-potenzi tad-dinja kellu jnaqqas il-ħażniet tal-uranjum tal-Iranjani b’mod li kellu jagħmilha impossibbli biex l-Iran jipproduċi l-armamenti nukleari.
Iżda fl-2018, Donald Trump, fl-ewwel terminu tiegħu bħala President Amerikan, kien irtira pajjiżu mill-ftehim bl-insistenza li l-patt, fost oħrajn, ma indirizzax ‘tassew’ il-programm tal-Iranjani għall-iżvilupp tal-missili.
//= $special ?>