L-Istati Uniti ddeċidiet biex ma tkomplix bit-trasport ta’ wħud mill-armamenti li kienet qed tibgħat għad-difiża tal-Ukrajna. Dan il-pass kontroversjali kien ikkonfermat fi żmien meta r-Russja ta’ Vladimir Putin qed tintensifika l-gwerra kontra l-Ukreni. Konflitt li ilu għaddej minn Frar tal-2022.
Qed jingħad, intant, li d-deċiżjoni ttieħdet ‘fl-aħjar interessi tal-Istati Uniti’ u wara li d-Dipartiment tad-Difiża Amerikan ikkonkluda analiżi dwar ‘l-appoġġ militari li (l-Amerikani) qed jipprovdu lill-pajjiżi l-oħra’.
L-Istati Uniti ilha tibgħat l-armamenti u għajnuna militari (ekwivalenti għall-biljuni ta’ dollari) lill-Ukreni mindu l-ewwel truppi u tankijiet tar-Russja qasmu l-fruntiera tal-Ukrajna għall-invażjoni totali ta’ dan il-pajjiż.
U issa, numru ta’ uffiċjali fil-Gvern Amerikan qed jilmentaw dwar il-fatt li ‘naqsu’ l-ħażniet tal-armamenti tal-Istati Uniti. Intant, ma ngħatawx dettalji dwar il-kunsinni tal-armi li l-Amerikani ‘ffriżaw’ – bil-Gvern Ukren ma jikkummentax dwar l-iżvilupp b’mod uffiċjali.
Madankollu, numru ta’ sorsi infurmati fi Kiev qalu li d-deċiżjoni minn Washington għandha tħalli impatt negattiv ferm għall-Ukrajna ‘u speċjalment fid-dawl tal-attakki terroristiċi kontra pajjiżhom min-naħa tal-Kremlin’.
Mhux eskluż, intant, li ‘l-friża tal-kunsinni’ tinkludi l-missili għal kontra l-attakki mill-ajru flimkien ma’ diversi tipi ta’ munizzjon. Hemm, intant, xi uffiċjali li qalu li l-Amerikani, għalissa, qed iwaqqfu t-trasport tas-sistemi ‘Patriot’ għad-difiża kontra l-missili u d-drones tar-Russja u meta bħalissa, Moska qed twettaq l-azzjonijiet tal-ajru ‘rekord’ kontra l-Ukrajna.
Iż-żmien hu partikularment diffiċli għall-Ukreni, wara li r-Russi, fi tmiem il-ġimgħa, sparaw aktar minn 500 drone, flimkien ma’ missili ballistiċi u tat-tip cruise, lejn Kiev u diversi bliet oħrajn tal-Ukrajna.
//= $special ?>