Opinjoni

OPINJONI: Malta qed tgħid “le” għal żwiġijiet taħt it-tmintax-il sena

L-edukazzjoni hija kruċjali biex it-tfal jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, iż-żwiġijiet bikrin jimpattaw l-indipendenza personali u l-indipendenza ekonomika tagħhom
Il-Parlament Malti qiegħed jaqbel, li l-età ta’ tmintax għandha tkun l-età minima skont il-liġi li tippermetti ż-żwieġ, u din tkun f’linearità mal-liġijiet u l-konvenzjonijiet Ewropej

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Matul din il-ġimgħa l-Parlament kien qed jiddibatti abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu jabolixxi għalkollox iż-żwiġijiet taħt l-età ta’ tmintax-il sena. Għalhekk, kull żwieġ taħt din l-età mandatorja se jkun null. Imma għaliex din il-liġi? Din il-liġi għandha diversi fatturi vantaġġjużi għax f’pajjiżna, matul dawn l-aħħar snin, anki jekk mhux komuni imma reali daqstant xorta, rajna żwiġijiet bejn adulti u tfajliet taħt it-tmintax-il sena, fil-każijiet assoluti f’komunitajiet barranin li jgħixu f’Malta.

L-Unjoni Ewropea, permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ottubru tal-2017, enfasizzat b’mod ċar li ż-żwieġ tat‑tfal għandu jitqies bħala forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u għandu jiġi abolit għalkollox f’kull stat membru tagħha.

Dan ifisser, li ma jkun hemm l-ebda okkażjoni jew ċirkostanza biex tali żwiġijiet ikunu regolarizzati b’mod jew ieħor anki jekk abbażi reliġjużi jew kulturali.

F’pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Olanda, l-Iżvezja u d-Danimarka, iż-żwieġ taħt it-tmintax-il sena jew huwa kompletament illegali jew ristrett ħafna b’regolamenti stretti u jista’ jsir biss f’każijiet eċċezzjonali. Malta, bħala membru tal-Unjoni Ewropea, għandha timxi wkoll f’din id-direzzjoni.

Il-liġi Maltija bħalissa tippermetti li żgħażagħ ta’ sittax u sbatax-il sena jistgħu jiżżewġu bil-kunsens tal-ġenituri u jew kustodji, jew bl-approvazzjoni tal-Qorti. Iżda skont il-linji gwida tal-Unjoni Ewropea, konvenzjonijiet internazzjonali, u każijiet reali f’Malta, hemm bżonn urġenti li din il-proċedura tiġi eliminata u jkun hemm aktar edukazzjoni u protezzjoni għall-minuri.

L-istati kollha membri tal-Unjoni Ewropea għandhom età minima ta’ tmintax għaż-żwieġ. Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Maqgħquda għad-Drittijiet tat-Tfal u l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrakkomandaw li titneħħa kull eċċezzjoni u b’hekk ħadd ma jkun jista’ jiżżewweġ taħt din l-età obbligatorja.

Malta hija firmatarja tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tal-1990 u tal-Konvenzjoni CEDAW tal-1991, li tgħid b’mod ċar li ż-żwieġ għandu jkun b’kunsens liberu u sħiħ, ħaġa li l-minuri ma jistgħux jaderixxu għaliha. Malta ratifikat ukoll il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li tobbliga lill-istati jikkriminalizzaw iż-żwieġ sfurzat. Dan iżda ma jnaqqasx il-fatt li għadu possibbli jsiru żwiġijiet b’minuri involuti skont il-liġi ċivili. La darba tipprojbixxi kull żwieġ taħt l-età ta’ tmintax, Malta tkun qed twettaq l-obbligi internazzjonali u tħares id-drittijiet fundamentali tat-tfal.

Wara s-sena 2000, Malta ssieħbet mal-SDGs li janalizzaw l-Impatt fuq il-Ġustizzja Soċjali minn żwieġ bikri, u hawn huwa fejn tidħol l-edukazzjoni. Iż-żwieġ f’età bikrija għandu impatt negattiv serju fuq l-edukazzjoni tat-tfal, speċjalment tfajliet, li spiss, f’ċirkostanzi bħal dawn, ikunu mġiegħla jitilqu mill-iskola biex jidħlu f’responsabbiltajiet adulti qabel iż-żmien.

Dawn huma każijiet li seħħew u li saħansitra kienu rrapportati fil-midja lokali wara li allarmaw lill-awtoritajiet xi għalliema u edukaturi li ltaqgħu ma’ tali sitwazzjonijiet.

Noħolqu aktar edukazzjoni komprensiva

F’Malta, każijiet bħal dawn wasslu biex xi tfajliet spiċċaw bla għażla ħlief li jħallu l-edukazzjoni obbligatorja u eventwalment ġew esklużi kompletament minn kull opportunità ta’ tagħlim, ta’ żvilupp personali u ta’ impjieg futur.

Minħabba li l-edukazzjoni hija kruċjali biex it-tfal jiżviluppaw il-ħiliet funzjonali daqskemm dawk akkademiċi, iż-żwiġijiet bikrin jimpattaw saħansitra l-indipendenza personali u l-indipendenza ekonomika tagħhom. Dan imur kontra dak li pajjiżna jrid jemmen fih: li kulħadd għandu dritt jibqa’ jitgħallem u jitħarreġ biex jagħżel il-futur tiegħu. Fin-nuqqas ta’ dan, allura pajjiżna  jkompli, b’mod indirett, isaħħaħ iċ-ċiklu tal-faqar u l-inekwità bejn is-sessi u bejn komunitajiet Maltin u barranin.

Mela, il-Parlament Malti qiegħed jaqbel, li l-età ta’ tmintax għandha tkun l-età minima skont il-liġi li tippermetti ż-żwieġ, u din tkun f’linearità mal-liġijiet u l-konvenzjonijiet Ewropej. Imma ma nistgħux nieqfu hawn biss.

Fl-iskejjel irridu noħolqu aktar edukazzjoni sesswali komprensiva għaliex mhux biżżejjed li tinbidel il-liġi, imma rridu ngħallmu lit-tfal dejjem aktar x’inhuma d-drittijiet tagħhom u x’għażliet għandhom u jistgħu jagħżlu. Bħala pajjiż li jemmen fl-ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal, irridu mhux biss nipproteġu b’mod legali, imma wkoll b’awtorità morali.

Wara li Malta tabolixxi kompletament iż-żwiġijiet taħt l-età ta’ tmintax-il sena, huwa essenzjali li jittieħdu passi oħra biex din il-bidla fil-liġi ma tkunx biss simbolika, imma effettiva u protettiva.

Dawn huma l-passi ewlenin li l-pajjiż għandu jimplimenta: il-liġi trid tiġi infurzata b’mod attiv mill-awtoritajiet, jiġifieri l-Pulizija, u s-servizzi soċjali fost l-oħrajn; għandha tinħoloq sistema ċara biex jiġu rrappurtati każijiet ta’ attentati ta’ żwiġijiet sfurzati jew ta’ taħt l-età; jinħolqu servizzi ta’ appoġġ għal minuri li jkunu taħt pressjoni biex jiżżewġu u għalhekk trid tinħoloq linja miftuħa mal-iskejjel fejn it-tfal jistgħu jitkellmu dwar tali attenti jew abbużi; jiġi żviluppat protokoll ta’ protezzjoni għall-għalliema u għall-edukaturi u għas-‘social workers’ biex ikunu protetti meta jintervjenu u jidentifikaw każijiet suspettużi; u finalment jinħoloq reġistru nazzjonali b’informazzjoni dwar każijiet ta’ tentattivi ta’ żwieġ taħt l-età biex jibqgħu taħt ir-radar tal-awtoritajiet konċernati.

Wara li Malta tabolixxi kompletament iż-żwiġijiet taħt l-età ta’ tmintax-il sena, huwa essenzjali li jittieħdu passi oħra biex din il-bidla fil-liġi ma tkunx biss simbolika, imma effettiva u protettiva

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 2 ta’ Lulju, 2025.