Futbol Sport

Pablo Doffo hu l-kowċ il-ġdid ta’ Nadur Youngsters

Pablo Doffo
Pablo Doffo

Storja li kienet żvelata għall-ewwel darba fil-media lokali minn Replay, fid-29 ta’ Mejju li għadda, illum kelna l-konferma tagħha. Pablo Doffo hu l-kowċ il-ġdid ta’ Nadur Youngsters.

Doffo, li fl-istaġun li għadda kien fdat bit-tmexxija teknika ta’ Swieqi United fiċ-Challenge League, se jkun qed jieħu post il-kowċ Brian Chetcuti hekk kif l-iskwadra ta’ Nadur Youngsters minn dan l-istaġun għandha Presidenza ġdida, b’Frank Sciberras ħa t-tmexxija amministrattiva tal-klabb wara li fis-sentejn ta’ qabel l-Għawdxin kellhom lill-Onorevoli Membru Parlamentari Dr Chris Said, President tal-klabb. L-imprenditur żagħżugħ Sciberras se jkun wieħed mill-iżgħar Presidenti li se jkolna fil-futbol Malti u Għawdxi dan l-istaġun.

Intant għal Doffo, din se tkun l-ewwel darba tiegħu li se jmexxi tim fil-Kampjonat Għawdxi wara li sal-lum, l-Arġentin ta’ 42 sena kien plejer-kowċ ta’ Senglea Athletic u kowċ ma’ Marsaxlokk u Swieqi United rispettivament.