Lokali

Raġel jitlef ħajtu waqt li kien qed jgħum l-Għadira

Raġel ta’ 55 sena tilef ħajtu lbieraħ filgħaxija fil-bajja tal-Għadira, waqt li kien qed jgħum.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6:30pm, meta l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom fuq il-post.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel, residenti l-Mellieħa, sab ruħu f’diffikultà fil-baħar. Persuni li kienu fil-viċin raw x’kien qed jiġri u intervjenew biex itellgħuh mill-ilma, waqt li tawh l-ewwel għajnuna.

Tim mediku wasal immedjatament u r-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud ġie infurmat u fetaħ Inkjesta Maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex jiċċaraw eżatt x’wassal għal din il-mewta traġika.