Lokali

AĠĠORNATA: Arrestati l-ħallelin li kienu involuti f’żewġ serqiet f’inqas minn12-il siegħa

Waqt li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet b’rabta mas-serqa ta’ dan il-lejl f’Tas-Sliema, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ dalgħodu (1130hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa oħra, din id-darba minn ħanut fi Triq Tal-Balal, San Ġwann. Jirriżulta li żewġt irġiel mgħammda u armati b’sikkina daħlu fil-ħanut u talbu l-flus lill-kaxxiera. Wara ħarbu minn fuq il-post b’Toyota Ractis ta’ lewn aħmar.

Ftit mumenti wara s-serqa, waqt li l-Pulizija kienet qed tagħmel tfittxijiet għal l-imsemmija vettura, innutawha tinstaq fil-Ħamrun. Din twaqqfet fi Triq Mountbatten, fejn ix-xufier, Malti ta’ 42 sena u residenti Birżebbuġa, ġie arrestat.

Mill-investigazzjonijiet illi saru, jirriżulta li fis-serqa ta’ Tas-Sliema, iż-żewġ ħallelin użaw ukoll
l-istess vettura.

Intant, aktar investigazzjonijiet wasslu għall-arrest tat-tieni allegat ħalliel, Libjan ta’ 37 sena, residenti Tas-Sliema. Huwa ġie arrestat fir-residenza tiegħu.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Joe Mifsud fejn ħatar inkjesta filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija fiż-żewg każijiet għadhom għaddejjin.