Lokali

Traffiku, trab u terturi: Chris Bonett wiegħed ħafna imma wettaq ftit – PN

Il-miżuri tal-Ministru weħlu fit-traffiku

Għaddew tliet xhur minn mindu l-Ministru Bonett għamlilna preżentazzjoni ta’ aktar minn siegħa u nofs biex jispejaglna kif se jsolvi t-traffiku u llum, meta suppost bdejna naraw id-differenza, bqajna fejn konna.

Mhux talli hekk, imma talli issa l-Ministru qed jgħidilna li dik li suppost kienet il-wegħda stilla li sewwieqa li lesti jċedu l-liċenzja għal ħames snin jingħataw €25,000, tinsab iġġammjata fit-traffiku.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Marsa, ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut u x-Shadow Minister għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Joe Giglio, qalu li wara li f’Marzu li għadda l-Ministru tat-Traffiku Chris Bonett ħabbar b’tant pompa din il-miżura kkupjata minn dik li ressaq il-Partit Nazzjonalista snin ilu, f’konferenza oħra li għamel jumejn ilu qal li din issa se tkun biss proġett pilota – jew esperiment – u ma setax jgħid lanqas min se jkun eliġibbli għal dan il-proġett pilota. Din il-miżura kellha tidħol fis-seħħ sax-xahar li għadda.

L-istess ġara bil-wegħda tas-servizz ta’ ferry lejn Għawdex li jieqaf Buġibba, li suppost ukoll kellu jibda dan is-sajf.

Huwa ċar li meta Chris Bonett għamel il-preżentazzjoni tal-miżuri tat-traffiku b’tant daqq ta’ trombi ma kienx għamel il-homework tiegħu sew. Tant hu hekk li wara li ħabbar kollox, il-Ministru tal-Finanzi għafaslu l-brejkijiet fuq il-wegħda li jagħti €25,000 lil kull min jieqaf isuq. Dan apparti li wara l-kritika li qala’ mis-settur u l-pressjoni li saret mill-Oppożizzjoni, kellu jagħmel U-turn fuq miżura oħra li kellha tgħolli minn 30 għal 35 l-ammont ta’ snin li jrid ikollha vettura biex titqies bħala vintage. Minflok ra l-affarijiet sew qabel ma ħabbarhom, il-Ministru saq b’għajnejh magħluqa u daħal f’ħajt.

Il-Gvern mhux talli ma solviex il-problemi tat-traffiku, talli ta’ kuljum qed jikber l-inkonvenjent kontinwu li qed ikollhom is-sewwieqa tista’ tgħid f’kull parti tal-Gżejjer Maltin hekk kif ma’ kull żewġ kantunieri ssib xi triq magħluqa b’xogħlijiet infrastrutturali jdumu l-ġimgħat u x-xhur.

Hu evidenti kull fejn tħares li għandna Gvern li qed jipprova jsolvi l-kriżijiet li ħoloq hu stess, flok qed imexxi bi pjan. Management by crisis. Hu evidenti li l-ħafna awtoritajiet tal-Gvern mhux qed jaħdmu b’sinkronija u mhux jiftiehmu u jaħdmu f’kordinazzjoni bir-riżorsi kollha.

Biżżejjed wieħed jara l-kaos li qed ikun hemm fl-inħawi ta’ San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa, u n-nuqqas ta’ traffic management fejn isiru x-xogħlijiet.

Il-Ministru tat-Trasport ftit tal-jiem ilu ħabbar li kien qed joħloq unit ġdid biex jinvetsiga l-inċidenti tat-traffiku. Jidher ċar li l-Ministru ma kienx jaf li l-Pulizija kienet għadha kif waqqfet unit identiku ftit tal-ġimgħat qabel, bil-Ministru mbagħad kellu joħroġ jgħid li dawn iż-żewġ units, li għandhom eżatt l-istess funzjoni, se jkunu qed jaħdmu flimkien.

Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista jemmen fi tmexxija bi pjan anke f’dan il-qasam. Jemmen li biex tissolva l-problema tat-traffiku irid ikun hemm pjan sħiħ li jgħaqqad diversi miżuri flimkien u mhux pjan spezzettat li jitħabbar illum u jinbidel l-għada.

Partikolarment billi tibda titwettaq sistema ta’ trasport tal-massa u jitjieb u jitwessa’ konsiderevolment is-servizz tat-trasport pubbliku.

Biex dan iseħħ, irid ikun hemm rieda serja li l-Maltin u l-Għawdxin jingħataw soluzzjonijiet għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Rieda li sa issa l-Gvern urieha biss bil-kliem u falla fil-fatti.