Internazzjonali

Franza: Azzjoni industrijali toħloq kaos għat-titjiriet waqt il-btajjel tas-sajf

L-iskedi tat-titjiriet madwar l-Ewropa qed ikunu affettwati minn strajk tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fi Franza….Azzjoni industrijali li ħalliet numru kbir ta’ titjiriet wieqfa, b’eluf  kbar ta’ passiġġieri ibatu minn sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienet mistennija tkompli għal żmien indeterminat.

Il-linja tal-ajru Ryanair kienet kostretta li tħassar ‘il fuq minn 170 titjira minħabba din is-sitwazzjoni waqt li tħarbtu għal kollox il-btajjel pjanati għal madwar 30,000 passiġġier.

Hemm anki numru ta’ turisti Maltin li spiċċaw affettwati miċ-ċirkustanzi dovuti għall-azzjoni industrijali ta’ jumejn dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-kontrolluri….Azzjonijiet ordnati minn żewġ unions Franċiżi u bir-riżultat li tħassru madwar 25fil-mija tat-titjiriet fl-ajruporti ta’ Pariġi  u fl-ajruport ta’ Nizza.

Il-Ministru għat-Trasport Franċiż, Philippe Tabarot, ikkundanna d-domandi tal-unions bħala inaċċettabbli waqt li tenna li huma ‘ma kellhom l-ebda dritt li jibdew l-azzjonijiet industrijali’ fl-eqqel tal-vaganzi tas-sajf u fi żmien meta t-traffiku tat-turisti jkun fl-aqwa tiegħu.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tal-avvjazzjoni ħeġġew biex il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, tieħu azzjoni urġenti biex taċċerta li l-passiġġieri jingħataw il-minimu tas-servizz waqt dawn l-azzjonijiet.

Huma talbu wkoll biex it-titjiriet mill-ispazju tal-ajru ta’ Franza jkunu ‘protetti’ mill-azzjonijiet industrijali fuq livell domestiku.

Min-naħa tagħha, l-awtorità tal-avvjazzjoni ċivili Franċiża, DGAC, talbet biex il-linji ta-ajru inaqqsu l-iskedi tat-titjiriet f’diversi ajruporti madwar il-pajjiż.

Dan meta mistenni li s-sitwazzjoni, għada. issir aktar ikkumplikata fl-ajruporti prinċipali ta’ Franza u meta mistenni tnaqqis ta’ 40 fil-mija għat-titjiriet regolari mill-ajruporti ta’ Charles De Gaulle, Orly u Beauvais (f’Pariġi).

 Intant, ma waslu mkien in-negozjati bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-union UNSA-ICNA li ressqet sensiela ta’ilmenti min-naħa tal-kontrolluri li qed tirrappreżenta.

Fl-istess ħin, l-Airlines for Europe (A4E), l-entità tal-avvajazzjoni ewlenija fl-Ewropa, sostniet li l-unions qed imexxu azzjonijiet ‘intollerabbli’ li għandhom iħallu l-effetti fit-tul għall-ivvjaġġar bl-ajru.