Numru ta’ klabbs, plejers, organizzazzjonijiet, u entitajiet urew is-solidarjetà tagħhom mal-familja ta’ Diogo Jota u Andrè Silva li tilfu ħajjithom traġikament f’inċident tat-traffiku fi Spanja, il-Ħamis filgħodu.
Il-klabb ta’ Diogo Jota Liverpool FC ħarġu stqarrija fejn esprimew id-diżappunt u x-xokk kbir li għaddejin minnu hekk kif ħadu din l-aħbar. Fl-istess stqarrija, Liverpool kitbu li mhux se jikkummentaw iżjed f’dan il-mument u se jirrispettaw il-privatezza tal-familja Jota kif ukoll tal-kollegi kollha f’Liverpool FC.
Il-paġna uffiċjali tal-Premier League ukoll esprimiet id-diżappunt kbir li qed jgħaddu minnu wara t-telfa traġika tal-attakkant Portugiż u ħuh.
It-tim nazzjonali Portugiż, il-captain tat-tim Portugiż Cristiano Ronaldo, kif ukoll il-kowċ tat-tim Roberto Martinez kollha ppubblikaw stqarrijiet seperati fejn tkellmu fuq ix-xokk kbir li ħalliet din it-telfa, u ddeċidew li jkomplu jirrispettaw il-privatezza tal-familjarji tagħhom.
F’mumenti bħal dawn, ir-rivalità ma tfisser xejn. Klabbs li huma storikament rivali ta’ Liverpool, bħal Manchester United, Manchester City u Chelsea kollha ngħaqdu mar-Reds biex juru s-solidarjetaà u d-dispjaċir kbir tagħhom għal din it-telfa.
Jota kien maħbub minn kullħadd, kull fejn lagħab kien maħbub mis-sapporters u mit-tmexxija. Il-paġni uffiċjali tal-eks skwadri ta’ Jota bħal Wolves, Porto u Atletico Madrid ukoll tkellmu fuq din it-telfa.
Ma naqasx anke l-kumment tal-eks kowċ ta’ Liverpool, Jurgen Klopp. Il-kowċ li propju afda lil Jota u ġabu ma’ Liverpool fejn kellu l-aqwa żmien tal-karriera tiegħu.
Bosta klabbs oħra madwar id-dinja esprimew id-diżappunt tagħhom, fosthom Juventus, West Ham, Nantes, Coventry City, Bayer Leverkusen, Borussia Dortmund, Ajax, Real Vallaodolid, Atalanta, Como u t-tim nazzjonali Franċiż fost oħrajn.
//= $special ?>