Il-pazjenti qed jibqgħu jbatu.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern tas-slogan Is-Saħħa lill-Maltin ma jibqax jitqammel fuq il-mediċini.
Hu fatt magħruf li fl-aħħar snin il-Gvern ipprova jekonomizza fuq il-mediċini billi beda jagħti mediċini ġeneriċi li ħafna drabi huma inqas effettivi minn dawk speċifiċi li kienu jingħataw qabel.
Adrian Delia, ix-Shadow Minister għas-Saħħa; u Ian Vassallo, Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali; qalu fi stqarriija li -aktar vittmi reċenti huma persuni li jieħdu l-mediċini għall-kundizzjoni tal-ADHD.
Dawn sa ftit ilu kienu jingħataw il-mediċina Concerta, iżda f’dawn l-aħħar ġimgħat meta kienu qed imorru jiġbru l-mediċini mill-ispiżeriji bdew jingħataw mediċina oħra minflokha bl-isem ta’ Mefeda.
Il-persuni li jieħdu din il-mediċina, fosthom tfal u żgħażagħ, qed jingħataw pilloli li l-uniku informazzjoni li tiġi magħhom hija bil-Kroat.
Dan ifisser li min qed jieħu dawn il-pilloli, u l-qraba tagħhom, ma jafux x’jistgħu jkunu s-side effects tagħhom.
Il-liġi Maltija titlob li l-mediċini li jitqassmu lill-pazjenti f’Malta u Għawdex irid ikollhom l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni kollha bl-Ingliż.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi fejn huma l-awtoritajiet li suppost qegħdin għassa għall-mediċini li jitqassmu f’pajjiżna, saħansitra mill-Gvern stess, u li mhumiex konformi mar-regolamenti? Min qed iħares is-saħħa tal-Maltin jekk l-awtoritajiet li suppost jagħmlu dan mhux qed jagħmluh?
Ix-Shadow Ministers qalu li dan mhux l-uniku falliment tal-Gvern fejn jidħlu mediċini. Il-fatt li pazjenti qed jingħataw mediċini inferjuri qed iwassal biex ħafna, fosthom pensjonanti, qed ikollhom jixtru minn bwiethom il-mediċini li għandhom bżonn biex jieħdu ħsieb saħħithom kif suppost. Bosta mediċini jinsabu out-of-stock, bil-pazjenti jkollhom jew jistennew u jgħaddu mingħajrhom jew jixtru oħrajn mill-ispiżeriji.
Dan il-Gvern li tant jiftaħar bl-ekonomija b’saħħitha, jidher li jsib il-flus kollha li għandu bżonn għal tal-qalba, imma mas-saħħa tal-poplu qed jitqammel.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jagħraf x’inhuma l-prijoritajiet veri u jinvesti fis-saħħa tal-Maltin bil-fatti u mhux bil-billboards.
//= $special ?>