Jerome Caruana Cilia, PN
Pajjiżna għandu jwettaq l-isforzi kollha possibbli biex jipproteġi l-kredibbiltà tiegħu permezz ta’ tisħiħ tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet, filwaqt li ma titqiegħedx burokrazija żejda fuq negozji. Dan qalu x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia waqt diskussjoni fil-Parlament dwar emendi għall-Att dwar il-Kumpaniji.
Id-Deputat tal-PN Jerome Caruana Cilia ddeskriva din il-leġiżlazzjoni bħala fundamentali fil-qafas ekonomiku ta’ pajjiżna hekk kif din tipprovdi standards ta’ governanza għal kif għandhom jitħaddmu n-negozji, minn kumpaniji żgħar lokali għal kumpaniji multinazzjonali li jagħżlu ‘l Malta bħala post li fih jibbażaw l-intrapriża tagħhom.
Ix-Shadow Minister Nazzjonalista Caruana Cilia sellem il-ħidma tal-Malta Business Registry, istituzzjoni li kibret ħafna fl-aħħar snin. “Ir-rwol tagħha bħala l-gwardjan tat-trasparenza fil-qasam tal-kumpaniji huwa wieħed kruċjali fid-dawl tal-attenzjoni dejjem tikber f’dan is-settur. Aktar u aktar jekk irridu lil Malta ġurisdizzjoni ta’ kwalità għolja”.
Jerome Caruana Cilia qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-emendi kif proposti għaliex il-Partit Nazzjonalista jappoġġja dejjem liġijiet li jsaħħu s-settur kummerċjali iżda insista li qafas legali b’saħħtu mhux biżżejjed jekk ma jkunx hemm infurzar kif suppost. Spjega li governanza tajba tal-kumpaniji hija kruċjali biex pajjiżna jibqa’ attraenti għall-investiment.
“Is-sistemta regolatorja tagħna wara s-sħubija kienet meqjusa bħala waħda kredibbli u aċċessibbli, sistema agile iżda compliant, flesibbli iżda waħda li żżomm mal-prinċipji. Dan kien kruċjali biex attirajna investiment dirett ta’ kwalità u għadd ta’ impjiegi ġodda, iżda anke biex verament jiffjorixxa s-settur tal-SMEs f’pajjiżna”, qal ix-Shadow Minister Nazzjonalista.
Il-bidliet diskussi fil-Parlament għandhom l-għan li jissimplifikaw il-proċessi kummerċjali filwaqt li jnaqqsu l-piż amministrattiv, b’rispett tar-realtajiet ekonomiċi u regolatorji tal-lum. L-emendi jinkludu t-tfassil ta’ terminoloġija finanzjarja aktar preċiża, kif irrakkomandat mill-Malta Institute of Accountants; it-tneħħija tal-kunċett ta’ exempt company u aktar minn hekk, f’każijiet fejn il-kapital tal-azzjonijiet ma jaqbiżx il-valur ta’ €50,000 se tibda tkun biżżejjed dikjarazzjoni tad-diretturi flok rapport ta’ awditur – dan biex jitnaqqas il-piż regolatorju u amministrattiv.
L-Att se jintroduċi wkoll proċeduri aktar simplifikati f’każ fejn kumpanija tiġi xolta meta din ma tkunx wettqet ebda negozju, ma jkolliex assi u ma jkollha xejn dovut lill-Gvern jew l-awtoritajiet.
Huwa żieda jgħid li l-Oppożizzjoni, tappoġġja kull inizjattiva li tnaqqas il-piż regolatorju, speċjalment fuq in-negozji ż-żgħar li fi stħarriġ wara l-ieħor jibqgħu juru li qed jiltaqgħu ma’ piż regolatorju kbir.
“Madankollu, fl-istess waqt li jissaħħu l-istrutturi, importanti li niffukaw l-infurzar fejn l-aktar meħtieġ, li npoġġu t-trasparenza u l-governanza tajba fuq quddiem tal-ħidma tagħna biex verament nerġgħu nagħmlu minn pajjiżna ġurisdizzjoni ta’ reputazzjoni tajba”, żied jgħid.
Huwa appella li t-tisħiħ legali għandu jkun appoġġjat minn investiment fit-trasformazzjoni diġitali, real-time reporting u sistemi ta’ compliance integrati li jtejbu l-effiċjenza u l-infurzar. “Għaliex, jekk irridu u nippretendu world-class compliance, irridu li dawn l-istituzzjonijiet mhux biss ikollhom mandat legali iżda r-riżorsi teknoloġiċi u umani meħtieġa. Investiment fit-taħriġ, l-AI, u koperazzjoni ma’ ġurisdizzjonijiet oħra huma essenzjali”, insista Caruana Cilia.
Id-deputat Nazzjonalista insista wkoll fuq il-bżonn li pajjiżna jattira kumpaniji ta’ kwalità minn barra, mingħajr ma narmu dak li hu Malti. “Tajjeb l-investiment barrani, tajjeb għaliex iġib setturi li forsi ma kellniex qabel, għaliex jipprovdi knowledge transfer. Iżda rridu nibqgħu nsaħħu l-wirt imprenditorjali Malti, li fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ s-sinsla tal-ekonomija Maltija”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.