Il-futbol internazzjonali jinsab f’luttu għall-aħbar tal-mewta traġika tal-plejer ta’ Liverpool, Diogo Jota. L-attakkant ta’ 28 sena miet f’inċident tat-traffiku fi Spanja.
Skont l-ewwel rapporti li ħarġu fil-media internazzjonali, l-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu, għall-ħabta tan-12:30am. Fil-ħin tal-inċident, Diogo Jota kien qed isuq il-vettura tiegħu, Lamborghini u flimkien miegħu fil-vettura, kien hemm ħuħ, Andre Felipe.
Ħu Diogo Jota, tilef ħajtu ukoll f’dan l-inċident traġiku u kien plejer professjonali mal-klabb Portugiż tal-LigaPro, FC Penafiel. Andre Felipe kien tliet snin iżgħar minn ħuħ.

L-istazzjon BBC qed jirraporta li fil-ħin tal-inċident, Diogo Jota kien qed isuq fil-highway, RIAS Bajas (A-52), ħdejn Palacios de Sanabria, bil-vettura kienet sejra fid-destinazzjoni lejn Benavente. Jidher li f’ħin minnhom, il-Lamborghini ta’ Diogo Jota skidjat barra t-triq waqt li kienet qed taqbeż vettura oħra, bil-konsegwenza x’aktarx kienet għaliex sploda wieħed mit-tyres. Mal-impatt, il-vettura ta’ Diogo Jota ħadet in-nar u ż-żewġ persuni tilfu ħajjithom fuq il-post.
Din l-aħbar traġika tasal għaxar t’ijiem biss wara Diogo Jota kien għadu kif iżżewweġ lit-tfajla tiegħu, Rute Cardoso f’Porto. Il-koppja kellha tliet t’itfal.

Ritratt meħud għaxar t’ijiem ilu, u juri lil Diogo Jota f’jum it-tieg tiegħu mat-tfajla li magħha kellu relazzjoni fit-tul, Rute Cardoso, flimkien mat-tliet t’itfal tagħhom.
L-aħbar ta’ din il-mewta traġika ħasdet lil kull dilettant tal-futbol internazzjonali, u mhux anqas partitarji taċ-champions Ingliżi, Liverpool. Diogo Jota kien wieħed mill-plejers l-aktar maħbuba fost il-partitarji ta’ The Reds. Hu kien għadu kif għen biex Liverpool temmew l-istaġun 2024/25 bir-rebħ tal-20 Kampjonat tagħhom fl-istorja, u ftit tal-ġimgħat ilu kien parti mit-tim nazzjonali Portugiz li għat-tieni darba fl-istorja, rebaħ il-UEFA Nations League.
Diogo Jota kien beda’ il-karriera tiegħu bħala plejer mal-klabb Portugiż ta’ FC Paços de Ferreira. F’Marzu tal-2016, l-attakkant Portugiż kien iffirma kuntratt professjonali mal-klabb Spanjol ta’ Atletico Madrid għal ħames snin madankollu mar-Rojiblancos, Diogo Jota qatt ma lagħab tant li kien misluf mal-ewwel lil Porto.
Fl-istaġun 2016/17, b’Diogo Jota misluf lil Porto, hu kien lagħab 27 partita u skorja tmien gowls. Bejn l-2017 u l-2019, il-Portugiż kien trasferit, għal darb’oħra b’self, din id-darba ma’ Wolverhampton Wanderers. Matul is-tliet snin li dam jilgħab magħhom, Diogo Jota kien suċċess kbir mat-tim Ingliż, tant li l-ewwel għenhom jiksbu l-promozzjoni għall-Premier League. Fl-ewwel staġun tiegħu fl-ogħla diviżjoni fl-Ingilterra, fl-2018/19, Diogo Jota kien determinant biex Wolverhampton Wanderers, taħt it-tmexxija ta’ Nuno Espírito Santo, temmew fis-seba’ post tal-klassifika u b’hekk kisbu post fl-istaġun ta’ wara fil-UEFA Ewropa League. Ma’ Wolverhampton Wanderers, Diogo Jota b’kollox lagħab 131 partita u skorja 44 gowl.
F’Settembru tal-2020, l-attakkant verstatili, li kien kapaċi jilgħab ukoll bħala winger, kien trasferit għal ma’ Liverpool għas-somma ta’ madwar £45 miljun. F’ħames staġuni li dam jilgħab ma’ Liverpool, Diogo Jota lagħab b’kollox total ta’ 182 partita u skorja xejn anqas minn 65 gowl. Il-valur attwali fis-suq kien ta’ €40 miljun.

Ma’ Liverpool, fl-istaġun 2021/22, Diogo Jota kien rebaħ l-FA Cup, li kien l-ewwel unur tiegħu mirbuħ ma’ Liverpool, dak iż-żmien taħt it-tmexxija tal-kowċ Jurgen Klopp. Fl-istess staġun, Liverpool kienu tilfu l-finali tal-League Cup u saħansitra l-finali tal-UEFA Champions League kontra Real Madrid, bl-iskor ta’ 1-0.

Fit-tmiem tal-istaġun li għadu kemm intemm, Diogo Jota rebaħ għall-ewwel darba l-Premier League Ingliż, filwaqt li mat-tim nazzjonali Portugiż rebaħ il-UEFA Nations League għat-tieni darba fil-karriera tiegħu, bl-ewwel darba tiegħu li rebaħ din il-kompetizzjoni fuq livell ta’ tim nazzjonali kien fl-istaġun 2018/19.
