Il-Ġeneral Mikhail Gudkov, li kien il-Viċi kmandant tal-qawwiet tal-baħar Russi, spiċċa maqtul waqt attakk mill-militar Ukren fuq ir-reġjun ta’ Kursk, fir-Russja. Gudkov – ikkundannat mill-Ukreni bħala kriminal tal-gwerra – inqatel waqt li kien fid-distrett ta’ Korenevo, li tmiss mal-fruntiera tal-Ukrajna.
Jirriżulta wkoll li dan l-uffiċjal ewlieni tilef ħajtu, flimkien ma’ għaxar membri tas-servizzi militari Russi, waqt li huma kienu f’ċentru għall-kontroll u kordinament tal-movimenti tat-truppi f’dik iz-zona ta’ Kursk.
Il-qtil tal-Ġeneral kompla jżid il-lista tas-suċċessi tal-Ukreni li, fl-aħħar snin, irnexxielhom jeliminaw lil diversi protagonisti tal-ġerarkija militari Russa.
Intant, Gudkov, qabel, kien imexxi Brigata tal-morini Russi li ħadet sehem fl-esekuzzjonijiet tal-priġunieri tal-gwerra Ukreni.
Jirriżulta wkoll li hu kellu ‘responsabbiltà diretta’ fil-qtil tal-priġunieri b’abbuż għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Dan ukoll meta xi morini Russi li nqabdu priġuniera mill-Ukreni qalu li raw b’għajnejhom il-qtil tas-suldati Ukreni li kienu ċedew u meta hemm anki l-filmati tal-priġunieri Ukreni waqt li qed ikunu suġġetti għall-forom tat-tortura.
Il-Brigata tal-morini mal-Flotta Russa bbażata fil-Paċifiku kienet rilokata fir-reġjun ta’ Kursk wara li l-qawwiet Ukreni, matul is-sajf tal-2024, qasmu l-fruntiera b’sorpriża u okkupaw diversi zoni tar-Russja.
Intant, Gudkov hu fost l-ogħla uffiċjali militari tar-Russja li sfaw maqtula mill-Ukreni mindu l-Kremlin wettaq l-invażjoni totali tal-Ukrajna fi Frar tal-2024.
Sadanittant, il-Gvern Ukren ma kkummentax dwar il-qtil tal-Ġeneral li, ftit taż-żmien ilu, kien rikonoxxut minn Moska ‘għall-qlubija tiegħu fil-gwerra mal-Ukrajna’. Hu kien ilu minn Marzu jservi bħala Viċi kmandant tan-Navy tar-Russja wara l-konferma personali tal-President Russu, Vladimir Putin.
//= $special ?>