B’pass sinifikanti lejn it-titjib fil-kollaborazzjoni fil-qasam tas-saħħa bejn il-pajjiżi, Malta u l-Italja llum iffirmaw Ftehim Tekniku kruċjali li jiggarantixxi l-provvista ta’ emerġenza ta’ komponenti tad-demm u jiffaċilita l- frazzjoni tal-plażma bejn iż-żewġ pajjiżi.
Waqt iċ-ċerimonja, Joseph Chetcuti, is-Segretarju Permanenti għas-Saħħa; faħħar il-ftehim bħala xhieda tas-sħubija dejjiema bejn iż-żewġ nazzjonijiet Mediterranji, ibbażata fuq “fiduċja, rispett reċiproku, u impenn komuni biex ngħinu lil xulxin fi żminijiet ta’ bżonn.”
Il-ftehim għandu l-għan li jsaħħaħ it-tħejjija ta’ Malta f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza bħal inċidenti kbar, kriżijiet tas-saħħa pubblika, u diżastri naturali, fejn l-aċċess immedjat għal komponenti tad-demm li jsalvaw il-ħajjiet jikun kruċjali. “Kull sekonda tgħodd f’mumenti bħal dawn, u dan jenfasizza kif l-appoġġ tal-Italja mhux biss se jipprovdi riżorsi mediċi vitali iżda wkoll serħan il-moħħ imprezzabbli” qal Chetcuti.
Il-kollaborazzjoni tindirizza wkoll l-importanza strateġika tal-frazzjoni tal-plażma — proċess użat biex jinħolqu mediċini essenzjali mill-plażma. Fid-dawl tad-domanda globali dejjem tikber, il-kapaċità ta’ Malta li taħdem mal-Italja f’dan il-qasam hija meqjusa bħala pilastru importanti fl-istrateġija usa’ tal- Unjoni Ewropea biex tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-awtosuffiċjenza tas-sistema tas-saħħa.
L-Italja, magħrufa għas-sistemi avvanzati tagħha tat-trasfużjoni tad-demm u l-kompetenza medika vasta, kienet meqjusa bħala sieħba naturali f’din l-inizjattiva. Uffiċjali Maltin estendew l-apprezzament tagħhom lill-Ministeru tas-Saħħa Taljan, lil Vincenzo De Angelis, Direttur taċ-Centro Nazionale Sangue; u lill-professjonisti kollha involuti li għamlu dan il-ftehim realtà.
“Dan il-ftehim mhux biss dwar katina ta’ provvista, iżda jmur lil hinn minn hekk; jittratta dwar is-salvataġġ tal-ħajjiet,” irrimarkat Monique Debattista, Direttur Mediku tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ta’ Malta; filwaqt li enfasizzat li din is-sħubija tirrifletti l-valuri profondi ta’ solidarjetà u responsabbiltà kondiviża fi ħdan il-komunità Ewropea.
Il-ftehim huwa r-riżultat ta’ xhur ta’ xogħol ikkordinat bejn l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, it-timijiet legali, u l-esperti mediċi miż-żewġ pajjiżi. L-impenn bla waqfien ta’ dawk kollha involuti huwa eżempju ċar ta’ kif il-koperazzjoni internazzjonali tista’ twassal għal riżultati konkreti u pożittivi.
Hekk kif intemmet iċ-ċerimonja, iż-żewġ naħat esprimew it-tama li l-ftehim jimmarka l-bidu ta’ kollaborazzjoni usa’ fis-settur tal-kura tas-saħħa. “Ħa tkun illum mhux biss ġurnata ta’ firmataà dokument, iżda wkoll il-kontinwazzjoni ta’ sħubija bbażata fuq valuri kondiviżi u viżjoni komuni għal futur aktar sigur u b’saħħtu,” temm jgħid Chetcuti.
//= $special ?>