L-attakkant internazzjonali Malti, Mattia Veselji se jkun qed jirritorna f’pajjiżna u jilgħab mill-ġdid ma’ Floriana, wara li qatta’ it-tieni nofs tal-istaġun 2024/25 jilgħab fis-Serbja ma’ FK Smederevo.
Veselji kien qed jilgħab fil-Prva liga Srbije, li hu t-tieni livell ta’ futbol f’dan il-pajjiż, fejn lagħab 13-il partita mingħajr ma skorja gowl.
Il-winger u attakkant ta’ 23 sena, kien ilu tliet snin u nofs mal-greens, fejn matul dan iż-żmien, hu lagħab 74 partita u skorja 13-il gowl, filwaqt li serva sitt assists.
Fl-istaġun li għadu kemm intemm, Veselji lagħab 11-il partita fl-Opening Round ma’ Floriana u li matulhom skorja darbtejn.
Taħt it-tmexxija tal-kowċ attwali, Emilio De Leo, Veselji ġie mgħajjat biex jifforma parti mill-iskwadra Maltija, iżda sal-lum mat-tim tal-kbar lagħab darba biss f’konfront ta’ ħbiberija kontra l-Venezwela.
Veselji għandu rekord pożittiv ta’ gowls skorjati fiż-żmien li għamel jilgħab mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, fejn f’19-il logħba, iben l-eks plejer internazzjonali Malti, Nenad Veselji skorja sitt gowls.
L-akkwist ta’ Veselji s’issa hu d-disa’ wieħed li ħabbru Floriana matul din il-kampanja akkwisti tas-sajf.
//= $special ?>