Minn Malta sal-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija… sfida fuq ir-rota.
Din hi l-isfida li 30 ċiklist se jieħdu sehem fiha bħala parti mill-inizjattiva Visit Malta ALIVE 2025, organizzata mill-Fondazzjoni ALIVE Charity.
Il-vjaġġ jibda uffiċjalment nhar is-Sibt, iżda għat-tim, din l-avventura kienet ilha li bdiet minn xhur ta’ taħriġ, dedikazzjoni u anke sfidi personali.
Jikkummenta ma’ Net News, Elton Barry.

Ħafna mill-parteċipanti għandhom esperjenza personali jew familjari ma’ dan il-mard – xi wħud tilfu qrabathom, oħrajn għaddew mill-kura huma stess. Għalhekk ….għalihom, din l-isfida hija ħafna aktar minn sfida fiżika imma hija missjoni ta’ tama, għajnuna u solidarjetà.
B’kollox se jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ vjaġġ ta’ 1,100 kilometru f’6 ijiem, b’aktar minn 6,200 metru ta’ żieda fl-altitudni u bejn 8 sa 10 sigħat ta’ ċikliżmu kuljum.
Il-vjaġġ se jintemm f’Salzburg – għalkemm l-għan ewlieni mhux ir-rotta, iżda r-riżultat. Kollha b’għan wieħed: li jiġbru fondi biex jgħinu fir-riċerka dwar il-kanċer fl-Università ta’ Malta.

Din mhux l-ewwel darba li l-Fondazzjoni qed tagħmel differenza. Sa issa, ALIVE Charity ġabret aktar minn €920,000, u din is-sena qed tittama li taqbeż il-miljun ewro.
