Lokali Qorti

Mixli li weġġa’ gravi lil raġel ieħor waqt argument fuq biċċa xogħol

Sirjan ta’ 34 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest hekk kif ġie akkużat li weġġa’ gravi lil raġel ieħor waqt argument.

Fil-Qorti Hasan Al Abdullah li għandu kumpanija tal-kostruzzjoni, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Minn naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma f’dan l-argument mar l-għassa tal-Gżira mimli demm u wara li ngħata l-kura meħtieġa l-Pulizija ħaditlu stqarrija. Huwa kien spjega mal-Pulizija li l-argument kien propju beda ħamest ijiem qabel u l-argument kien b’rabta ma’ biċċa xogħol.

Intqal ukoll li fil-ħin li s-Sirjan allegatament ħebb għalih b’ħadida waqt li hu kien qed iġorr xi affarijiet u mbagħad ftit tal-ħin wara l-imputat mar iġib sikkina.

Waqt is-seduta d-difiża talbet għal espert mediku legali, dan hekk kif anke l-imputat ġarrab xi ġrieħi bil-Prosekuzzjoni għamlet l-istess talba fil-konfront tal-vittma. Il-Qorti laqgħet dawn iż-żewġ talbiet.

Id-difiża talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest fejn argumentat li l-imputat ilu jgħix Malta mill-2013 u li bħalissa jinsab fil-proċess biex iġib iċ-ċittadinanza.

Il-Qorti laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000, dan apparti li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.