Opinjoni

OPINJONI: Għal ponn ewro

Parti mill-ferneżija li hawn fil-pajjiż għall-bini – u aktar bini, u terġa’ aktar bini – ġejja mis-suq tal-kera li għaddej straxxnat minħabba fl-ammonti kulma jikber ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu jittantaw xortihom hawn

minn Mark A. Sammut Sassi

It-tgħassida ta’ Paceville qed turi biċ-ċar li l-Wild West fil-kostruzzjoni jeħtieġ jieqaf. Immedjatament. Dil-ferneżija li ħakmet lill-pajjiż, li kull binja trid taqa’ u flokha jitilgħu blokok koroh daqs dagħwa b’Alla ta’ appartamenti, jeħtieġ li tieqaf.

It-tkabbir tal-popolazzjoni bl-importazzjoni ta’ ħaddiema mit-tielet dinja, jeħtieġ li jieqaf. Nixtieq li xi ħadd imerini fuq din: aħna aħna jew m’aħniex il-pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għandu l-akbar perċentwal ta’ ħaddiema mit-tielet dinja? Huma dal-ħaddiema li qed ikattru d-domanda għal aktar appartamenti sub-standard?

Imma ejja niffukaw.

It-tgħassida ta’ Paceville kixfet il-konsenturi fil-prattiki tal-professjoni tal-arkitetti u l-guffaġni, kważi prepotenza, min-naħa tal-iżviluppaturi, xi wħud minnhom avdi u rgħiba.

X’ġara f’Paceville

Kif inhu magħruf minn kulħadd, waqgħet binja sħiħa f’Paceville u kien biss għax Alla ħanin li ma mitux xi studenti li kienu qed jirrisjedu fiha.

Jidher li l-periti kienu ilhom ħames snin jikkustjinaw jekk il-binja hijiex fi stat ta’ periklu jew le.

Fl-2020, il-perit tal-maisonette t’isfel wissa li l-penthouse li kienet inbniet fl-arja tal-blokka ftit tax-xhur qabel kienet għamlet ħsara lill-appoġġi. Perit ieħor – dak tal-bqija tal-blokka – ma qabilx, u qal li l-binja kienet f’saħħitha biżżejjed.

Billi ż-żewġ periti – it-tnejn iħarsu lejn l-istess struttura fiżika, li tmissha b’idejk – ma setgħux jaqblu, iddeċidew li jsejħu perit ieħor biex jagħti l-fehma tiegħu. It-tielet perit kien tal-fehma li l-blokka tiflaħ.

Għaddew ħames snin, u ż-żmien tana parir. Il-perit li wera tħassib li se jaqa’ kollox ingħata raġun. Għax waqa’ kollox! U ma kienx hemm traġedja umana, kif għedna, għax Alla ħanin.

X’joħroġ minn dan kollu

Diversi punti. Fosthom li għandna Wild West fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Li neħtieġu aktar sorveljanza, għax jekk tħallihom għal rashom, il-kuntratturi jaġixxu ta’ cowboys.

Minkejja li l-opinjonijiet tal-professjonisti jiswew aktar minn tan-nies komuni, fl-aħħar mill-aħħar ħadd f’did-dinja ma hu infallibbli.

Dal-punt tal-aħħar jgħallimna ħafna anki fil-qasam tal-etika… meta t-tobba jgħidulek li se tgħix biss sitt xhur, u allura – skont dal-Gvern – tista’ taħseb fl-ewtanasja, tkun biss l-opinjoni tagħhom. Li għad li tiswa ħafna, għax hi frott it-tagħlim u l-esperjenza, xorta mhijiex infallibbli.

L-istess jgħodd għall-opinjoni tat-tobba fil-każ ta’ tarbija b’diżabbiltà … f’każijiet li fihom, barra minn Malta, jissuġġerixxu l-abort. L-opinjoni tat-tobba mhix infallibbli.

Id-deifikazzjoni tal-professjonist hi żball madornali.

Is-suq tal-kera

Parti mill-ferneżija li hawn fil-pajjiż għall-bini – u aktar bini, u terġa’ aktar bini – ġejja mis-suq tal-kera li għaddej straxxnat minħabba fl-ammonti kulma jikber ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu jittantaw xortihom hawn.

Jien nemmen li, iva, għandna nżommuh das-suq, imma mibni fuq mudell differenti.

Ma jistax ikun mibni fuq il-preżunt ta’ domanda li qatt mhi se tieqaf tikber. Xi darba d-domanda għal aktar appartamenti x’jinkrew trid tieqaf … għax pajjiżna kulma fih 30 km b’14 u 14-il km b’7. Anki jekk tiġi reklamata l-art, xorta m’aħniex se nsiru daqs pajjiżi kbar. Allura hemm il-limitazzjoni ġeografika għal kemm tiflaħ tikber id-domanda.

Barra minn hekk, hemm limitazzjonijiet kulturali għal kemm nifilħu taħlit bejn il-ġnus. U hemm limitazzjonijiet psikoloġiċi għal kemm nifilħu ngħabbu lill-pajjiż b’aktar u aktar nies.

Is-suq tal-kera allura jrid jibqa’, imma jrid jieħu forma jew forom differenti.

Kif? Bl-istudji. Bit-tiftix. Bil-kreattività. Żgur mhux bir-regħba, kif aħna bħalissa. Lanqas bl-istrateġija li tara biss sal-ponta tal-imnieħer.

Il-Konvenzjoni dwar il-Pajsaġġ

Sadanittant, Malta fl-aħħar irratifikat il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ … wara ħamsa u għoxrin sena.

Bir-ratifika ta’ dil-Konvenzjoni Malta ssir marbuta tħares il-pajsaġġ tagħha. Il-pajsaġġ se jitqies beni kulturali, ambjentali, u soċjali.

Jien għandi kurżità kbira: kif se jirnexxilu dal-Gvern tar-Raba’ Sular iħares il-pajsaġġ waqt li jippermetti lil ċerti wħud jibqgħu sejrin bl-isfreġju tal-istess pajsaġġ għax iridu jistagħnew bla rażan?

Ir-regħba

Għażilt it-titlu għal dal-artiklu bħala diwi tal-film Western, for a Fistful of Dollars. Mhux biss għax għandna l-Wild West imma wkoll għax – bħal f’dak il-film – hawn ħafna regħba.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 3 ta’ Lulju, 2025.