minn Angelo Micallef
Il-President Amerikan Donald Trump u r-Repubblikani li huwa jmexxi fl-aħħar jiem kienu impenjati politikament bil-proċess leġiżlattiv sabiex japprovaw l-hekk imsejħa ‘One big beautiful bill’ jew kif inhi formalment imsejħa, “To provide for reconciliation pursuant to title II of H. Con. Res. 14.”
Għal min jagħżel li jsegwi biss xi jgħidu tal-Fox News u xi midja oħra li tagħżel li tallinea editorjalment ma’ Trump, din il-liġi hija intiża sabiex issaħħaħ id-difiża tal-fruntiera tal-Istati Uniti, tnaqqas il-ħela ta’ flus, tnaqqas numru ta’ taxxi fosthom pereżempju t-taxxa tad-dħul fuq it-tips, u tevita numru ta’ żidiet ta’ taxxi billi testendi l-liġi li kien għadda l-istess Trump fl-2017 u ċioè t-‘Tax Cuts and Jobs Act’.
Diffiċli targumenta kontra
Meta wieħed jaqra biss din in-narrativa diffiċli jargumenta kontra l-‘One big beautiful bill’.
Kif tista’ targumenta li jkun tajjeb li jkun hemm żieda rampanti fit-taxxi?
Kif tista’ targumenta kontra miżuri li jibbenefikaw lil ħaddiema bħal pereżempju t-tneħħija tat-taxxa tad-dħul fuq it-tips?
Kif tista’ targumenta kontra miżuri li jnaqqsu l-ħela jew li jżidu s-sigurtà tal-pajjiż?
Kollha miżuri pożittivi li diffiċli ħafna timmaġina argument sod kontrihom.
Imma allura jekk din il-“One big beautiful bill” hija daqshekk oġġetivament tajba għaliex għaddiet mill-Kamra tar-Rappreżentanti b’vot strett ta’ 215 favur u 214 kontra u fis-senat għaddiet biss bil-casting vote tal-Viċi President J D Vance?
Nofs l-istorja
Ir-realtà hi li n-narrativa li semmejt hawn fuq hija nofs l-istorja. Filwaqt li l-‘One big beautiful bill’ verament tinkludi numru ta’ passi pożittivi, l-istess att jinkludi numru ta’ miżuri xokkanti.
Din il-liġi ta’ Trump tinkludi tnaqqis sinifikanti mill-programm Medicaid, programm essenzjali biex nies bi dħul limitat ikollhom health insurance f’pajjiż fejn mingħajr health insurance tispiċċa barra fit-triq litteralment jekk jinqala’ xi ħaġa relatata mas-saħħa.
Din il-liġi ta’ Trump tneħħi wkoll numru kbir ta’ miżuri favur enerġija nadifa magħrufa bħala ‘clean-energy tax credits’ f’miżura li tixhed kemm għal Trump u r-Repubblikani l-ambjent qed jiġi fit-tieni post!
Kollha miżuri xokkanti tant li skont l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika magħmul mill-Pew Research, 49% tal-Amerikani huma kontra din il-liġi filwaqt li huma biss 29% li huma favur.
Se tgħabbi lill-Istati Uniti b’dejn kbir
Fuq kollox din il-miżura ta’ Trump se tgħabbi lill-Istati Uniti b’xejn inqas minn tnejn punt tmien triljun dollaru Amerikan ta’ dejn u dan skont l-estimi tal-‘Congressional Budget Office’.
Trid tkun verament irresponsabbli u li m’għandekx il-pajjiż għal qalbek biex tagħżel li tgħabbi lil pajjiżek b’daqshekk dejn addizzjonali u li allura titfa’ f’sogru ċar il-futur tal-pajjiż u dan purament biex tilħaq miri politiċi partiġjani li tkun fassalt fil-kampanja mingħajr ebda ħsieb jew pjan ċar.
Hu ta’ għajb li kienu biss tlieta s-senaturi Repubblikani li għażlu li jsegwu l-loġika u r-raġuni minflok imxew bl-għamad politiku wara l-alla politiku l-ġdid tagħhom Donald Trump. Kienu biss Rand Paul, Susan Collins u Thom Tills li żammew mal-prinċipju.
Għalissa Trump ħareġ rebbieħ. Għalissa r-Repubblikani jistgħu jimplimentaw il-miżuri tal-‘One Big Beautiful Bill’.
Għad jasal jum imma meta l-irresponsabbiltà ta’ din il-miżura tkun ċara.
Għad jasal jum meta r-Repubblikani jħallsu prezz qares ħafna ħafna ta’ dak li qegħdin jappoġġjaw.
Għad jasal jum meta l-istorja tħares lejn Donald Trump bil-lenti negattiva li jixraqlu; hu u dawk ir-Repubblikani kollha li fis-senat, il-kamra tar-rappreżentanti u l-kabinett jagħżlu li jappoġġjawh attivament.
Kliem Musk
“We live in a one-party country – the PORKY PIG PARTY!!” Mhux kliemi, mhux kliem xi membru tal-partit demokratiku. Mhux kliem Obama jew Biden jew Harris. Kliem Elon Musk, bniedem li sa ftit ilu kien parti mill-Gvern ta’ Trump u li għen tassew sabiex Trump ġie elett.
Għal darba, rarità kbira din, naqbel ma’ kliem Musk!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 3 ta’ Lulju, 2025.
//= $special ?>