Lokali

Peter Agius ilaqqa’ żgħażagħ bid-dijabete mal-Kummissarji Ewropej

Diskussjoni dwar il-policies meħtieġa biex persuni bid-Dijabete jgħixu aħjar

Bħala parti mill-ħidma kontinwa tiegħu fil-qasam tad-dijabete, ilbieraħ fi Brussell, l-MEP Peter Agius laqqa’ flimkien numru sabiħ ta’ żgħażagħ mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Olivér Várhelyi u mal-Kummissarju Ewropew għaż-Żgħażagħ Glenn Micallef.

Id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-politiċi wera wħud mill-isfidi li jgħixu żgħażagħ bid-dijabete kif ukoll uħud mis-soluzzjonijiet possibbli għall-kura u l-prevenzjoni tad-dijabete. Dan id-djalogu politiku wera wkoll l-irwol essenzjali li għandhom iż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika Ewropea qrib in-nies.

L-avveniment laqqa’ diversi żgħażagħ — uħud jgħixu bid-dijabete tat-tip 1 u oħrajn impenjati fil-prevenzjoni — biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jipproponu soluzzjonijiet għal din il-kundizzjoni lill-awtoritajiet tal-UE. L-għan kien wieħed ċar: li jinbena futur aktar b’saħħtu u inklussiv, b’żgħażagħ fil-qalba tal-politika u l-prevenzjoni tad-dijabete.

Waqt li indirizza lill-parteċipanti, l-MEP Agius irringrazzja lill-Kummissarji Ewropej talli qed ipoġġu d-dijabete fuq quddiem fl-aġenda tal-UE u faħħar liż-żgħażagħ preżenti għall-kuraġġ u l-għarfien tagħhom.

“Intom m’intomx sempliċement pazjenti,” qal Agius. “Intom mexxejja, attivisti, u aġenti tal-bidla. L-istejjer tagħkom iġibu urġenza fil-politika, u l-enerġija tagħkom tnissel tama.” Agius enfasizza wkoll il-bżonn ta’ appoġġ għas-saħħa mentali, li tinkiser l-istigma, u li jkun hemm aċċess ugwali għall-kura u t-teknoloġija li ssalva l-ħajjiet. Huwa saħaq li l-gruppi mmexxija miż-żgħażagħ diġà qed jibnu reżiljenza u netwerks ta’ appoġġ — u jistħoqqilhom jiġu msaħħa fuq kull livell ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Il-Kummissarju Ewropew Malti Glenn Micallef qal li l-Kummissjoni impenjata li timbotta stil ta’ ħajja aktar san permezz tal-isports. Il-Kumissarju Ewropew Varhelyi spjega l-viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-Ewropa tqarreb aktar għal mudell ta’ kura personalizzata, bħall-prevenzjoni tad-dijabete’ u l-mard tal-qalb, anke bl-għajnuna tal-inteliġenza artifiċċjali (AI).

Iż-żgħażagħ qasmu bosta esperjenzi personali fostom esperjenzi ta’ stigma u preġudizzju fl-iskejjel fuq studenti bid-dijabete u li jilbsu l-apparat biex jikkontrolla l-insulina. Fost dawn, Martin mill-Awstrija, spjega kif huwa u sħabu bdew serje ta’ videos biex jispjegaw lil żgħażagħ oħra xi tfisser tgħix bid-dijabete. Martina, żgħażugħa Maltija, spjegat kif għal bosta Maltin l-akbar sfida hija li jkollom l-aħħar apparat teknoloġiku li jgħinhom jimmaniġġjaw aħjar il-kundizzjoni tad-dijabete’. Martina spejgat kif tagħmir l-iktar modern bħal continuous glucose monitors u pompi tal-insulina ta’ spiss ma jkunux disponibbli Malta u talbet lill-Kummissjoni Ewropea tgħin b’azzjoni konkreta dwar dan.

L-avveniment intemm b’impenn mill-partijiet kollha involuta biex ikompli sew djalogu maż-żgħażagħ, is-soluzzjonijiet jinbidlu f’investimenti u bl-involviment taż-żgħażagħ stess il-prevenzjoni u l-kura tad-dijabete jitpoġġew fuq nett tal-prijoritajiet Ewropew.