L-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa fil-Kappella tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi flimkien mal-atleti tal-maratona tal-volleyball kif ukoll mal-isportivi li se jieħdu sehem fil-fun run organizzata
mill-Kummissjoni Djoċesana Sport. Din iċ-ċelebrazzjoni se ssir il-Ħadd 20 ta’ Lulju fid-9:30am, fil-Ġublew tal-Isportivi.
Matul dan ix-xahar ta’ Lulju, l-Arċisqof se jiċċelebra wkoll quddiesa f’għeluq l-20 anniversarju mill-mewt tal-Papa San Ġwanni Pawlu II u l-35 anniversarju mill-viżta pastorali tiegħu f’Malta fl-1990, fil-Katidral tal-Imdina. Din se ssir il-Ħadd 6 ta’ Lulju fid-9:30am. Fl-istess jum, jiċċelebra l-griżma tal-isqof fil-Parroċċa ta’ Marija Addolorata, f’San Pawl il-Baħar, fis-6pm.
Il-Ġimgħa 11 ta’ Lulju, fid-9:30am, il-festa ta’ San Benedittu, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-kappella tal-Monasteru ta’ San Benedittu, fil-Birgu u l-Ħadd 13 ta’ Lulju fid-9:30am, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-Knisja ta’ San Massimiljanu Kolbe, f’Buġibba.
L-Erbgħa 23 ta’ Lulju fil-5pm, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-ftuħ tal-Kapitlu Ġenerali tas-Sorijiet Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Kunvent ta’ Santa Tereża fil-Mellieħa; u s-Sibt 26 ta’ Lulju fis-5:45pm, l-Arċisqof imexxi traslazzjoni u quddiesa ta’ lejlet il-festa ta’ Marija Addolorata, fil-Knisja Parrokkjali f’San Pawl il-Baħar.
Fil-Ġublew tan-Nanniet u l-Anzjani li se jiġi ċċelebrat il-Ħadd 27 ta’ Lulju, l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa fil-Knisja Arċipretali ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa, fid-9:30am.
Matul ix-xahar ta’ Lulju, l-Arċidjoċesi ta’ Malta se tkompli xxandar il-quddiesa kuljum fid-9:30am.