Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li se jkun qed iressaq il-liġi tal-ewtanasja. Dan wara li lbieraħ intemm uffiċjalment il-perijodu tal-konsultazzjoni li kien nieda l-Gvern, wara li preżenta White Paper dwar dan l-istess suġġett.
F’kummenti lill-midja, Robert Abela qal li se jippreżenta din il-liġi tal-ewtanasja wara li jiġu analizzati s-sottomissjonijiet kollha li daħlu. Għalkemm fl-istess nifs irrimarka li għadu ‘l bogħod milli jasal sal-punt li titressaq il-liġi.
Fl-aħħar ġimgħa, diversi professjonisti mediċi tkellmu b’saħħa kontra din il-liġi. Kien hemm ukoll ħafna għaqdiet u akkademiċi li ħarġu favur l-ewtanasja. Bis-suġġett iġib miegħu opinjonijiet kuntrastanti.
Iżda fuq kollox, l-analiżi li ġiet preżentata fis-sottomissjonijiet varji dwar l-ewtanasja kienet kollha iffukata fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-kurja paljattiva – ċioè, il-kura għal min għandu mard terminali.
Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu stqarr li l-Gvern saħħaħ il-kura paljattiva – għalkemm l-esperti, għandhom veduta kemxejn differenti.
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li l-kura f’Malta f’dan ir-rigward mhix tajba biżżejjed. L-Assoċjazzjoni tal-Kura Paljattiva wkoll esprimiet it-tħassib tagħha, filwaqt li l-Professur Emanuel Agius – espert tal-bioetika – fakkar kif il-Maltin għandhom aċċess għal 10% biss tal-mediċini disponibbli għall-kura paljattiva.
Anke l-Hospice Malta qalet li bħala pajjiż għandna nibqgħu ninvestu fil-kura paljattiva għal min ikun qed jaffaċċja mard terminali.
//= $special ?>